Sejħa għall-isportivi kollha – Ċelebrazzjoni ta’ sport, fidi u solidarjetà

Kull min hu involut fil-qasam sportiv — inkluż atleti, kowċis, membri ta’ klabbs u assoċjazzjonijiet — huma mistiedna jieħdu sehem fil-Ġublew tal-Isportivi li se jsir nhar il-Ħadd li ġej, 20 ta’ Lulju 2025, fid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi.

Il-Ġublew tal-Isportivi se jibda b’ġirja (fun run) miftuħa għal kulħadd, kemm tfal, żgħażagħ kif ukoll adulti, bl-għażla ta’ żewġ rotot: waħda ta’ 1.5 kilometru u oħra ta’ 3.5 kilometru.  Il-fun run tibda fit-8am minn ħdejn il-Kappella ta’ San Niklaw u tispiċċa fid-Dar tal-Providenza, fejn tkun għaddejja l-Maratona tal-Volleyball b’risq ir-residenti tad-Dar. L-għan hu li kulħadd jipparteċipa f’attività li tgħaqqad l-eżerċizzju fiżiku, ir-reżiljenza, is-solidarjetà u t-tama.

Mid-9am ’il quddiem, il-parkeġġ tad-Dar tal-Providenza jinbidel f’ċentru ta’ attività sportiva u soċjali fejn se jkun hemm logħob u attivitajiet għall-etajiet kollha. Dan minbarra l-40 player li diġà jkunu qed jieħdu sehem fl‑isfida ta’ 53 siegħa ta’ logħob tal‑volleyball bla waqfien, li se tkompli sa nofsillejl tal-Ħadd stess.

Fid-9:30am l-Arċisqof Charles Scicluna se jmexxi quddiesa fil-kappella tad-Dar tal-Providenza, li tiċċelebra r-rabta bejn l-isport, il-fraternità u l-fidi.

L-attivitajiet tal-Ġublew tal-Isportivi huma organizzati mill-Kummissjoni Djoċesana Sport, id-Dar tal-Providenza u Savio Athletic Club.

Għal aktar dettalji jew biex tirreġistra għall-ġirja, żur il-website gublew.mt.

Dawn l-attivitajiet tal-ġublew jagħmlu parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġublew 2025 fl-Arċidjoċesi ta’ Malta u fid-dinja Kattolika kollha, fejn l‑Insara — u lill‑bnedmin kollha ta’ rieda tajba — huma mistiedna sabiex matul din is-sena jkunu pellegrini tat-tama fid-dinja tal-lum, permezz ta’ atti ta’ fidi, karità u għaqda.

Scroll to Top