Is-Sena tal-Ġublew timmarka sena msejħa għall-konverżjoni u l-maħfra. Hija wkoll imsejħa bħala Sena Mqaddsa, li mill-bidu sat-tmiem tagħha, hija mżewqa b’riti sagri maħsuba li jqanqlu fina għatx li ngħixu l-qdusija fl-ordinarju tal-ħajja.

Il-ġenesi tal-Ġublew Nisrani

L-għeruq ta’ dan l-avveniment huma t’oriġini Lhudija. Il-kelma nfisha ġejja minn Yobel li tfisser ‘il-qarn tal-muntun’ li jintuża biex jimmarka t-tnedija tal-festa Lhudija, Yom Kippur (Jum l-Espjazzjoni). Skont l-Iskrittura, is-sena Ġublew kienet tiġi ċċelebrata kull 50 sena. (Levitiku 25:8-13). Kienet sena ta’ mistrieħ bl-għan li jiġu msaħħa l-uċuħ tar-raba’, jiġu mrodda lura artijiet miżmuma, u jiġu meħlusa l-iskjavi.

Influwenza Nisranija

Il-Papa Boniface VIII nieda l-ewwel Ġublew jew Sena Mqaddsa fl-1300 bħala żmien biex in-Nisrani jerġa’ jiskopri l-għatx għall-qdusija wara snin ta’ sofferenza, gwerer, u kull xorta ta’ mard. Fil-bidu kien iseħħ kull 100 sena, sakemm il-Papa Klement VI naqqas is-snin tal-ġublew għal kull 50 sena. Il-Papa Pawlu II naqqas dan iż-żmien għal kull 25 sena bl-għan li kull ġenerazzjoni jkollha l-opportunità li tesperjenza wieħed. Il-Papa Piju XI għażel ukoll li jfakkar l-1900 anniversarju mill-Fidwa, ‘il barra mill-iskema tal-25 sena, u għalhekk sejħilha sena ġubilari “straordinarja”. L-aktar Ġublew straordinarju riċenti kien imsejjaħ mill-Papa Franġisku li ddikkjara is-sena 2016 bħala s-Sena tal-Ħniena.

Is-sena tal-Ġublew ittul sena sħiħa mżewqa b’avvenimenti diversi. Tibda f’lejlet il-Miliet bil-ftuħ tal-Bieb Imqaddes tal-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan. Mal-wasla quddiem il-bieb, tingħad bil-Latin il-frażi “Dan hu l-bieb tal-Mulej, iftaħli l-bieb tas-sewwa.”  Wara, f’ġest simboliku, il-Papa jimbotta l-bieb b’idejh segwit minn mument ta’ talb fl-entratura tal-istess bieb. Huwa dan il-mument li uffiċjalment jiftaħ is-Sena Mqaddsa.

Il-ftuħ tal-Bieb Imqaddes matul il-Ġublew jissimbolizza l-passaġġ li kull Nisrani jrid jagħmel fi vjaġġ lejn il-grazzja.  Imma bla dubju ta’ xejn, għalina l-Insara, il-Bieb Imqaddes jirrapreżenta lil Kristu.  Ifakkarna fi kliem Ġesù nnifsu, “Tassew tassew ngħidilkom li l-bieb tan-nagħaġ huwa jien.” (Ġw 10:7).

Fil-jiem ta’ wara, dan l-istess rit iseħħ fit-tliet bażiliċi maġġuri oħra f’Ruma: San Ġwann Lateran, Santa Marija Maġġuri, u San Pawl Barra l-Ħitan. Dawn il-bibien jibqgħu miftuħa sa tmiem il-Ġublew, nhar l-Epifanija tas-sena ta’ wara.

Dawn is-simboli, ħafna drabi mnebbħa minn passaġġi jew destinazzjonijiet, huma intenzjonati biex inisslu fost l-Insara għatx għall-pellegrinaġġ. Għaldaqstant, il-komunità Nisranija – kemm f’Ruma, kif ukoll dik lokali – tkun imsejħa biex tissieħeb f’diversi pellegrinaġġi tul is-sena tal-Ġublew. Madankollu, il-pellegrinaġġ mhuwiex sempliċiment traġitt fiżiku; fuq kollox, isejjaħ proċess ta’ vjaġġ intern fi tfittxija għall-Mulej Ġesù, is-sors li minnu jfuru l-grazzji u l-maħfriet li nesperjenzaw.

Scroll to Top