Ġublew 2025: ‘Pellegrini ta’ Tama’

It-tema tal-Ġublew 2025 hija Pellegrini ta’ Tama. Il-Papa Franġisku ħabbar din it-tema biex jenfasizza t-tama meħtieġa għal dinja li qed tesperjenza l-konsegwenzi tal-gwerra, il-kriżi tal-klima, u l-effetti pendenti mill-pandemija tal-COVID-19.

Fil-Bolla Spes non confundit (It-tama ma tqarraqx), il-Papa Franġisku jiddikkjara li s-sena tal-Ġublew hija ddedikata għad-dikjarazzjoni tal-poplu ta’ tama sħiħa fil-grazzja ta’ Alla u fis-sinjali li dawn juru l-effett tagħhom f’ħajjitna.

Aspett sinifikanti tas-sena tal-Ġublew huwa l-pellegrinaġġ li tradizzjonalment hu assoċjat mat-tfittxija tal-bniedem għat-tifsira tal-ħajja. Il-Papa jirreferi għall-Ġublew bħala opportunità għal tama ġdida, hekk kif matul il-ħajja nesperjenzaw is-sbuħija tal-ħolqien u nirringrazzjaw lil Alla għall-barkiet kollha li nirċievu.

L-Evanġelju ta’ San Luqa jiddeskrivi l-missjoni ta’ tama ta’ Ġesù hekk kif ġab ħelsien u konverżjoni permezz tar-relazzjonijiet tiegħu man-nies li ltaqa’ magħhom f’ħajtu:

“L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani. Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, u d-dawl mill-ġdid lill-għomja, irrodd il-ħelsien lill-maħqurin u nxandar sena tal-grazzja tal-Mulej.”
(Lq 4:18-19; cf. Isaija 61:1-2).

Tħejjija għall-Ġublew fl-2023 u fl-2024

Papa Franġisku esprima x-xewqa li s-sentejn ta’ qabel il-Ġublew ikunu sentejn ta’ tħejjija għal dan l-avveniment speċjali fil-Knisja. Għaldaqstant, l-2023 kienet iddedikata għal proċess biex permezz tiegħu nerġgħu niskopru t-tagħlim konċiljari dwar dak li għandu x’jaqsam mal-liturġija (Sacrosantum Concilium), mal-Knisja (Lumen Gentium), mal-Iskrittura Mqaddsa (Dei Verbum), u dwar ir-relazzjoni tal-Knisja mad-dinja kontemporanja (Gaudium et Spes). L-2024 kienet sena ddedikata b’mod sħiħ għat-talb, biex it-tama tagħna ssib l-għeruq tagħha fis-smigħ u fl-inkontru tagħna m’Alla.

Scroll to Top