Għeżież żgħażagħ,
Wara l-Velja li għexna flimkien ilbieraħ, iltqajna llum biex niċċelebraw l-Ewkaristija, Sagrament tal-għotja sħiħa li l-Mulej għamel tiegħu nnnifsu lilna. Nistgħu nistħajluna, f’din l-esperjenza, qed nagħmlu l-mixja li għamlu dakinhar tal-Għid filgħaxija d-dixxipli ta’ Għemmaws (ara Lq 24:13-35): l-ewwel tbiegħdu minn Ġerusalemm imbeżżgħin u delużi; kienu sejrin ’l hemm konvinti li, wara l-mewt ta’ Ġesù, ma kien hemm xejn aktar x’wieħed jistenna, xejn fiex jittama. Imma fil-verità ltaqgħu proprju miegħU, laqgħuh bħala sieħeb tal-vjaġġ, semgħuh huwa u jfissrilhom l-Iskrittura, u fl-aħħar għarfuh fil-qsim tal-ħobż. Dak il-ħin għajnejhom infetħulhom u l-aħbar hienja tal-Għid sabet post fil-qalb tagħhom.
Il-liturġija tal-lum ma tkellimniex direttament fuq dan l-episodju, imma tgħinna nirriflettu fuq dak li nsibu rrakkuntat fih: il-laqgħa ma’ Kristu Rxoxt li tibdel il-ħajja tagħna, li ddawwal ir-relazzjonijiet, ix-xewqat, il-ħsibijiet tagħna.

L-Ewwel Qari, meħud mill-Ktieb ta’ Koħelet, jistedinna nidħlu f’kuntatt, bħaż-żewġ dixxipli li dwarhom tkellimna, mal-esperjenza tal-limitazzjonijiet tagħna, tal-fatt li hemm tmiem għall-ħwejjeġ li jgħaddu (ara Koħ 1:2; 2:21-23); u s-Salm Responsorjali, li jagħmel eku tiegħu, jipproponilna x-xbieha tal-“ħaxix li jinbet filgħodu; filgħodu jwarrad u jħaddar, filgħaxija jidbiel u jinxef” (Salm 90:5-6). Huma żewġ sejħat qawwija, forsi xi ftit xokkanti, imma li ma għandhomx ibeżżgħuna, bħallikieku kienu argumenti “tabù”, li jeħtieġ nevitawhom. Fil-fatt, id-dgħufija li dwarha jitkellmu hi parti mill-meravilja ta’ dak li aħna. Ejjew naħsbu fis-simbolu tal-ħaxix: forsi mhijiex sabiħa medda art kollha fjuri? Bla dubju, hi delikata, magħmula minn zkuk irqaq, vulnerabbli, suġġetti li jinxfu, jitgħawġu, jitfarrku, imma fl-istess waqt minnufih jeħdulhom posthom oħrajn li jwarrdu warajhom, u li b’ġenerożità dawk tal-ewwel isiru nutriment u ikel għalihom, meta jiġu kkunsmati mill-art. Minn hekk tgħix l-għalqa, il-ħin kollu tiġġedded, u anki matul ix-xhur kiesħa tax-xitwa, meta kollox donnu jiskot, l-enerġija tagħha tkun qiegħda tiċċaqlaq taħt l-art u tħejji ruħha biex, fir-rebbiegħa, tisplodi f’elf lewn.
Aħna wkoll, għeżież ħbieb, hekk aħna magħmulin: aħna magħmulin għal dan. Mhux għal ħajja fejn kollox hu ovvju u wieqaf, imma għal ħajja li terġa’ tnissel lilha nfisha l-ħin kollu fl-għotja, fl-imħabba. U hekk naspiraw il-ħin kollu għal dak l-“iżjed” li ebda realtà maħluqa ma tista’ tagħtina; inħossu għatx kbir u jaħraq ġewwa fina sal-punt li, ebda xarba ta’ din id-dinja ma tista’ taqtgħu. Quddiem dan, ejjew ma nqarrqux bina nfusna, billi nfittxu li nxejnuh b’surrogati ineffikaċi! Pjuttost, ejjew nagħtuh widen! Nagħmlu minnu banketta li fuqha nitilgħu biex, bħal tfal, fuq ponot subgħajna, jista’ jilħqilna għal mat-tieqa tal-laqgħa ma’ Alla. Insibu ruħna quddiemu, li qed jistenniena, anzi li qed iħabbat bil-ħlewwa fuq il-ħġieġ tar-ruħ tagħna (ara Apok 3:20). U hi ħaġa sabiħa, anki ta’ għoxrin sena, li niftħulu qalbna beraħ, inħalluh jidħol, biex imbagħad ngħixu l-avventura miegħu lejn il-wesgħat eterni tal-infinit.

Santu Wistin, meta jitkellem fuq it-tiftixa qawwija tiegħu ta’ Alla, kien jistaqsi lilu nnifsu: “Mela liema hu l-oġġett tat-tama tagħna […]? L-art? Le. Xi ħaġa li ġejja mill-art, bħad-deheb, il-fidda, is-siġra, il-ħsad, l-ilma […]? Dawn l-affarijiet jogħġbuna, huma ħwejjeġ sbieħ, huma tajbin dawn l-affarijiet” (Sermo 313/F, 3). U jagħlaq hekk: “Fittex lil min għamilhom, għax dan huwa t-tama tiegħek” (ibid.). Imbagħad, meta jaħseb fuq il-mixja li kien għamel, kien jitlob hekk: “Int [Mulej] kont ġewwa fija, u jiena barra minni nnifsi. Fittixtek barra […]. Inti sejjaħtli, u l-għajta tiegħek faqgħetli widnejja torox; id-dawl tiegħek leħħ u idda fuqi, u keċċa l-għama tiegħi; int xerridt il-fwieħa tiegħek li daħlet fi mnifsejja, u issa nixtieqek; doqt tjubitek (ara Salm 33:9; 1 Piet 2:3), u issa jien ġewħan u għatxan għalik (ara Mt 5:6; 1 Kor 4:11); missejtni, u sirt imħeġġeġ għas-sliem tiegħek” (Confessiones, 10, 27).
Ħuti, huma kelmiet mill-isbaħ, li jfakkruna f’dak li l-Papa Franġisku qal f’Lisbona, fil-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, lil żgħażagħ oħra bħalkom: “Kulħadd hu msejjaħ biex jaffaċċja mistoqsijiet kbar li m’għandhomx […] tweġiba sempliċistika u minnufih, imma huma stedina biex bniedem jagħmel vjaġġ, imur ’l hinn minnu nnifsu, u aktar ’il bogħod […] għal tluq li mingħajru m’hemmx titjira. Allura m’hemmx għalfejn nallarmaw ruħna jekk fl-intimu tagħna nħossuna għatxana, imħassbin, mhux kompluti, xewqana li nsibu sens u futur […]. M’aħnex morda, aħna ħajjin!” (Diskors għal-laqgħa maż-Żgħażagħ Universitarji, 3 ta’ Awwissu 2023).
Hemm mistoqsijsa importanti fil-qalb tagħna, bżonn ta’ verità li ma nistgħux ninjoraw, li jwassalna biex nistaqsu lilna nfusna: x’inhu tassew il-ferħ? Liema hu l-veru pjaċir tal-ħajja? X’inhu li jeħlisna milli nibqgħu mwaħħlin f’dak li ma jagħmilx sens, fid-dwejjaq, fil-medjokrità?

Fil-jiem li għaddew intom għamiltu ħafna esperjenzi sbieħ. Iltqajtu bejnietkom tal-istess età ġejjin minn diversi partijiet tad-dinja, ġejjin minn diversi kulturi. Qsamtu ma’ xulxin għarfien, qsamtu flimkien aspettattivi, iddjalogajtu mal-belt permezz tal-arti, il-mużika, l-informatika, l-isport. Fiċ-Circo Massimo, imbagħad, waqt li rsaqtu għas-Sagrament tal-Qrar, irċivejtu l-maħfra ta’ Alla u tlabtu l-għajnuna tiegħu biex tgħixu ħajja tajba.
F’dan kollu tistgħu tilmħu tweġiba importanti: il-milja tal-ħajja tagħna ma tiddependix minn dak li nġemmgħu għalina, lanqas, kif smajna fil-Vanġelu, minn dak li għandna (ara Lq 12:13-21). Pjuttost hi marbuta ma’ dak li bil-ferħ nagħrfu nilqgħu u naqsmu ma’ oħrajn (ara Mt 10:8-10; Ġw 6:1-13). Li tixtri, tgeddes, tikkonsma, mhux biżżejjed. Għandna bżonn nerfgħu ħarsitna, inħarsu fl-għoli, lejn il-“ħwejjeġ tas-sema” (Kol 3:2), biex nintebħu li, fost ir-realtajiet tad-dinja, kollox għandu sens biss skont kemm iservi biex jgħaqqadna ma’ Alla u ma’ ħutna fl-imħabba, u jkabbar fina “sentimenti ta’ ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar” (Kol 3:12), ta’ maħfra (ara ibid., v. 13), ta’ paċi (ara Ġw 14:27), bħal dawk ta’ Kristu (ara Fil 2:5). U f’dan ix-xefaq nifhmu dejjem aħjar xi jfisser li “t-tama ma tqarraqx bina, għax l-imħabba ta’ Alla ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna” (ara Rum 5:5).
Għeżież żgħażagħ, it-tama tagħna huwa Ġesù. Huwa hu, kif qal San Ġwanni Pawlu II, “li jqanqal fikom ix-xewqa li tagħmlu mill-ħajja tagħkom xi ħaġa kbira […], biex ittejbu lilkom infuskom u s-soċjetà, biex tagħmluha aktar umana u fraterna” (il-XV-il Jum Dinji taż-Żgħażagħ, Velja ta’ Talb, 19 ta’ Awwissu 2000). Ejjew nibqgħu magħqudin miegħu, nibqgħu fil-ħbiberija tiegħu, dejjem, u nikkultivawha bit-talb, l-adorazzjoni, it-Tqarbin, il-Qrar ta’ spiss, il-karità ġeneruża, kkif għallmuna l-Beati Piergiorgio Frassati u Carlo Acutis, li dalwaqt se jiġu pproklamati Qaddisin. Immiraw għal ħwejjeġ fil-għoli, għall-qdusija, kull fejn tkunu. Tikkuntentawx ruħkom b’inqas minn hekk. U hekk taraw jikber ta’ kuljum, fikom u madwarkom, id-dawl tal-Vanġelu.

Jien nafdakom f’idejn Marija, il-Verġni tat-tama. Bl-għajnuna tagħha, xħin fil-jiem li ġejjin terġgħu lura fil-pajjiżi tagħkom, fl-irkejjen kollha tad-dinja, tibqgħu mexjin bil-ferħ fuq il-passi tal-Feddej, u lil kull min tiltaqgħu miegħu ddakkruh bl-entużjażmu tagħkom u bix-xhieda tal-fidi tagħkom! Il-mixja t-tajba!