Il-Papa: Il-katekisti jakkumpanjaw il-mixja ta’ fidi tagħna tul il-ħajja

Għeżież ħuti,

Il-kliem ta’ Ġesù jurina kif Alla jħares lejn id-dinja, f’kull żmien u f’kull post. Fil-Vanġelu li smajna (Lq 16:19-31), għajnejh josservaw wieħed fqir u wieħed sinjur, min qed imut bil-ġuħ u min quddiemu qed jiffanga fl-ikel; jaraw l-ilbies eleganti ta’ wieħed u l-feriti tal-ieħor li jilagħquhomlu l-klieb (ara Lq 16:19-21). Imma mhux biss: il-Mulej iħares lejn il-qalb tal-bnedmin u, peremezz tal-ħarsa tiegħu, aħna nagħrfu min hu fqir u min hu indifferenti. Lazzru hu minsi minn min jinsab quddiemu, bilkemm pass mill-għatba tad-dar tiegħu, imma Alla jinsab qrib tiegħu u jiftakar ismu. Imma l-bniedem li jgħix geddumu fix-xgħir hu bla isem, għax jitlef lilu nnifsu, meta jinsa l-proxxmu tiegħu. Hu mitluf fil-ħsibijiet tal-qalb tiegħu, mimli bl-affarijiet u battal mill-imħabba. Il-ġid tiegħu ma jagħmlux bniedem tajjeb.

Ritratt: Vatikan Medja

B’xorti ħażina, ir-rakkont li jagħtina Kristu hu attwali ħafna. Biswit il-bieb tal-ġid illum ukoll hemm il-miżerja ta’ popli sħaħ, mifnija mill-gwerra u mill-isfruttament. Matul is-sekli, donnu ma nbidel xejn: kemm Lazzri qed imutu quddiem ir-regħba li tinsa l-ġustizzja, il-profitt li jżeblaħ l-imħabba, l-għana agħma quddiem it-tbatija tal-foqra! U safrattant il-Vanġelu jiżgurana li t-tbatijiet ta’ Lazzru għandhom tmiem. Jispiċċaw it-tbatijiet tiegħu l-istess kif jispiċċa l-iffangar tal-għani, u Alla jagħmel ġustizzja mat-tnejn li huma: “Ġara li l-fqir miet, u l-anġli ħaduh fi ħdan Abraham. Imbagħad miet ukoll l-għani, u difnuh” (v. 22). Il-Knisja tħabbar bla heda din il-kelma tal-Mulej, sakemm jikkonvertu l-qlub tagħna.

Għeżież, b’koinċidenza singulari, din l-istess silta tal-Vanġelu ġiet imxandra proprju fil-Ġublew tal-Katekisti fis-Sena Mqaddsa tal-Ħniena. Meta kellem lill-pellegrini li ġew Ruma għal dik iċ-ċirkustanza, il-Papa Franġisku kien wera li Alla jifdi d-dinja minn kull ħażen, billi jagħti l-ħajja tiegħu għas-salvazzjoni tagħna. L-azzjoni tiegħu hi l-bidu tal-missjoni tagħna, għax tistedinna nagħtu lilna nfusna għall-ġid ta’ kulħadd. Lill-katekisti l-Papa kien qalilhom hekk: “Dan il-fus li madwaru ddur ir-rota, din il-qalb tħabbat li tagħti l-ħajja hi t-tħabbira tal-Għid, l-ewwel tħabbira: il-Mulej Ġesù qam mill-mewt, il-Mulej Ġesù jħobbok, ta ħajtu għalik; irxoxt u ħaj, jinsab miegħek u kuljum jistenniek” (Omelija, 25 ta’ Settembru 2016). Dawn il-kelmiet jgħinuna nirriflettu fuq id-djalogu bejn ir-raġel għani u Abraham, li smajna fil-Vanġelu: hija supplika li l-għani jagħmel biex isalva lil ħutu u li ssir għalina sfida.

Ritratt: Vatikan Medja

Fil-fatt, meta jitkellem ma’ Abraham, hu jesklama: “Jekk imur għandhom xi ħadd mill-imwiet, jindmu” (Lq 16:30). Hekk iwieġbu Abraham: “Jekk ma jisimgħux lil Mosè u l-Profeti, anqas jekk iqum xi ħadd mill-imwiet ma jemmnu” (v. 31). Insomma, wieħed qam mill-imwiet: Ġesù Kristu. Allura, il-kliem tal-Iskrittura ma jridx jiddeludina jew jaqtgħalna qalbna, imma jqanqal il-kuxjenza tagħna. Li nisimgħu lil Mosè u l-Profeti jfisser nagħmlu memorja tal-Kmandamenti u tal-wegħdiet ta’ Alla, li l-providenza tiegħu qatt ma titlaq lil ħadd. Il-Vanġelu jħabbrilna li l-ħajja ta’ kulħadd tista’ tinbidel, għax Kristu rxoxta mill-mewt. Din il-ġrajja hija l-verità li ssalvana: għalhekk għandna nkunu nafuha u nħabbruha, imma mhux biżżejjed. Għandna nħobbuha: hija din l-imħabba li twassalna biex nifhmu l-Vanġelu, għax tibdilna billi tiftħilna qalbna għall-kelma ta’ Alla u għall-wiċċ tal-proxxmu.

F’dan ir-rigward, intom il-katekisti intom dawk id-dixxipli ta’ Ġesù, li jsiru xhieda tiegħu: l-isem tal-ministeru li twettqu intom ġej mill-verb Grieg katēchein, li jfisser tgħallem b’leħen għoli, tagħmel jidwi. Dan ifisser li l-katekista hu persuna tal-kelma, kelma li hu jħabbar bil-ħajja tiegħu stess. Għalhekk l-ewwel katekisti huma l-ġenituri tagħna, dawk li kellmuna l-ewwel u li għallmuna nitkellmu. L-istess kif tgħallimna lsien art twelidna, hekk it-tħabbira tal-fidi ma tistax tiġi ddelegata lil oħrajn, imma sseħħ hemm fejn aħna ngħixu. Qabelxejn fid-djar tagħna, madwar il-mejda: meta hemm leħen, ġest, wiċċ li jwassal għal għand Kristu, il-familja dduq il-ġmiel tal-Vanġelu.

Kollha ġejna edukati nemmnu permezz tax-xhieda ta’ min emmen qabilna. Minn meta konna tfal sa adolexxenti, bħala żgħażagħ, imbagħad adulti u anki anzjani, il-katekisti jakkumpanjawna fil-fidi billi jaqsmu magħna mixja kontinwa, kif għamiltu intom f’dawn il-jiem, fil-pellegrinaġġ ġubilari. Din id-dinamika tinvolvi lill-Knisja kollha: fil-fatt, waqt li l-Poplu ta’ Alla jnissel irġiel u nisa fil-fidi, “sew il-ħwejjeġ sew il-kliem li t-tradizzjoni tgħallem jinftiehmu aħjar b’diversi modi; bir-riflessjoni u l-istudju tal-Insara li jimmeditaw f’qalbhom fuqhom (ara Lq 2:19,51); bil-fehma profonda li l-Insara jakkwistaw tal-ħwejjeġ spiritwali bil-predikazzjoni ta’ dawk li flimkien mas-suċċessjoni tal-Isqfijiet irċevew d-don ċert tal-verità” (Kostituzzjoni dommatika Dei Verbum, 8). F’din il-komunjoni, il-Katekiżmu huwa l-“istrument tal-vjaġġ” li jħarisna mill-individwaliżmu u mit-tilwim bejnietna, għax jagħti xhieda tal-fidi tal-Knisja Kattolika kollha. Kull fidil jikkollabora fl-opra pastorali tagħha billi jagħti widen għall-mistoqsijiet, jaqsam fit-tiġrib, jaqdi x-xewqa ta’ ġustizzja u ta’ verità li hemm fil-kuxjenza umana.

Ritratt: Vatikan Medja

Huwa b’dan il-mod li l-katekisti jgħallmu, jiġifieri jħallu marka interjuri: meta nedukaw għall-fidi, ma nkunux nagħtu istruzzjoni, imma nqiegħdu fil-qalb il-kelma tal-ħajja, biex tagħmel frott ta’ ħajja tajba. Lid-djaknu Deogratias, li staqsieh kif għandu jkun katekista tajjeb, Santu Wistin wieġbu: “Esponi kull ħaġa b’mod li min jisimgħek, huwa u jisma’, jemmen; huwa u jemmen, jittama; u huwa u jittama, iħobb” (De catechizandis rudibus, 4, 8).

Għeżież ħuti, ejjew nagħmlu tagħna din l-istedina! Niftakru li ħadd ma jista’ jagħti minn dak li ma għandux. Kieku l-għani tal-Vanġelu wera karità ma’ Lazzru, kien jagħmel ġid mhux biss lill-fqir, imma anki lilu nnifsiu. Kieku dak ir-raġel bla isem kellu fidi, Alla kien isalvah minn kull turment: kienet ir-rabta mal-ġid tad-dinja li serqitlu t-tama tal-ġid veru u etern. Meta aħna wkoll niġu ttentati mir-regħba u mill-indifferenza, il-ħafna Lazzri tal-lum ifakkruna l-kelma ta’ Ġesù, u jsiru għalina katekeżi iżjed b’saħħitha f’dan il-Ġublew, li hu għal kulħadd żmien ta’ konverżjoni u ta’ maħfra, ta’ impenn b’risq il-ġustizzja u ta’ tiftix sinċier tal-paċi.

Wara l-Angelus:

Bil-ferħ kollu nħabbar li fl-1 ta’ Novembru li ġej, fil-kuntest tal-Ġublew tad-Dinja Edukattiva, se nagħti t-titlu ta’ Duttur tal-Knisja lil San John Henry Newman, li ta kontribut deċiżiv fit-tiġdid tat-teoloġija u fl-għarfien tad-duttrina Nisranija fl-iżvilupp tagħha.

Scroll to Top