Il-Papa lill-Udjenza Ġubilari: it-tama, mixja pass wara l-ieħor tal-umanità kollha

Katekeżi. 7. Nittamaw ifisser ma nkunux nafu – Nicola Cusano

Ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba!

Intom wasaltu fid-destinazzjoni tal-pellegrinaġġ tagħkom, imma, bħad-dixxipli ta’ Ġesù, issa rridu nitgħallmu ngħixu f’dinja ġdida. Il-Ġublew għamel minna pellegrini tat-tama proprju għalhekk: issa kollox irridu nħarsu lejh fid-dawl tal-qawmien tal-Imsallab. Hu f’din it-tama li aħna mifdija! Imma l-għajnejn ma humiex imdorrija. Hekk, qabel ma tela’ s-Sema, l-Irxoxt beda jeduka l-ħarsiet tagħna. U jkompli jagħmel dan illum ukoll! Fil-fatt, il-ħwejjeġ ma humiex kif jidhru: l-imħabba rebħet, imqar jekk quddiem għajnejna għandna tant tilwim u naraw il-ġlied bejn ħafna opposti.

Fi żmien daqstant ieħor imqalleb, fis-seklu 15, il-Knisja kellha Kardinal li sal-lum ftit li xejn hu magħruf. Kien ħassieb kbir u qaddej tal-għaqda. Kien jismu Nicola u kien ġej minn Kues, fil-Ġermanja: Nicola Cusano. Hu jista’ jgħallimna illi li nittamaw hu wkoll li “ma nkunux nafu”. Fil-fatt, kif jikteb San Pawl, “kif jista’ wieħed jittama l-ħwejjeġ li ġa jkun ra?” (Rum 8:24). Nicola Cusano ma setax jara l-għaqda tal-Knisja, imriegħda minn kurrenti opposti u maqsuma kif kienet bejn Lvant u Punent. Ma setax jara l-paċi fid-dinja u bejn ir-reliġjonijiet, f’epoka li fiha l-Kristjaneżmu kien qed iħossu mhedded minn barra. Imma huwa u jivvjaġġa, bħala diplomatiku tal-Papa, hu kien jitlob u jaħseb. Għalhekk il-kitbiet tiegħu huma mimlija dawl.

Ħafna nies ta’ żmienu kienu jgħixu fil-biża’; oħrajn bdew jarmaw biex iħejju għal kruċjati ġodda. Imma Nicola għażel sa minn żgħożitu li jiffrekwenta lil min kellu t-tama, lil min approfondixxa dixxiplini ġodda, li min kien jerġa’ jaqra l-klassiċi u jmur lura għall-għejun. Kien jemmen fl-umanità. Fehem li hemm opposti li għandhom jinżammu flimkien, li Alla huwa misteru li fih dak li jinsab f’tensjoni jsib l-għaqda. Nicola kien jaf li ma jafx u hekk fehem dejjem aħjar ir-realtà. X’don kbir għall-Knisja! X’sejħa għat-tiġdid tal-qalb! Dan hu t-tagħlim tiegħu: nagħmlu l-wisa’, inżommu l-opposti flimkien, nittamaw f’dak li għadna ma nistgħux naraw.

Ritratt: Vatican Media

Il-Cusano tkellem dwar “injoranza għarfa”, sinjal ta’ intelliġenza. Protagonista ta’ xi kitbiet tiegħu hemm persunaġġ kurjuż: l-idjota. Hu persuna sempliċi, li ma studjatx u lill-għorrief tagħmlilhom mistoqsijiet elementari, li jpoġġu fi kriżi ċ-ċertezzi tagħhom.

Huwa hekk ukoll fil-Knisja tal-lum. Kemm mistoqsijiet ipoġġu fi kriżi t-tagħlim tagħna! Mistoqsijiet taż-żgħażagħ, mistoqsijiet tal-foqra, mistoqsijiet tan-nisa, mistoqsijiet ta’ min ġie msikket jew ikkundannat, għax hu differenti mill-maġġoranza. Ninsabu fi żmien imbierek: kemm mistoqsijiet! Il-Knisja ssir esperta tal-umanità jekk timxi mal-umanità u żżomm f’qalbha l-eku tal-mistoqsijiet tagħha. Għeżież ħuti, li tittama jfisser li ma tkunx taf. Aħna ma għandniex diġà t-tweġibiet għall-mistoqsijiet kollha. Imma għandna lil Ġesù. Ħa nimxu wara Ġesù. U hekk nittamaw f’dak li għadna m’aħniex naraw. Insiru poplu li fih l-opposti jingħaqdu. Nidħlu bħal esploraturi fid- dinja ġdida tal-Irxoxt. Ġesù jimxi qabilna. Aħna nitgħallmu jekk nimxu ’l quddiem pass wara l-ieħor. Hija mixja mhux tal-Knisja biss, imma tal-umanità kollha. Mixja ta’ tama.

Ritratt: Vatican Media

Scroll to Top