Il-Papa: Ejjew nibnu knisja aktar umli u akkoljenti

Ħuti,

Aħna u niċċelebraw il-Ġublew tal-équipes sinodali u tal-organi ta’ parteċipazzjoni, aħna mistednin nikkontemplaw u niskopru mill-ġdid il-misteru tal-Knisja, li mhijiex sempliċi istituzzjoni reliġjuża u lanqas tidentifika ruħha mal-ġerarkiji u mal-istrutturi. Imma l-Knisja, kif fakkarna l-Konċilju Vatikan II, hija s-sinjal viżibbli tar-rabta bejn Alla u l-bnedmin, tal-pjan tiegħu li jiġmagħna lkoll f’familja waħda ta’ aħwa u li jsawwarna fil-poplu tiegħu: poplu ta’ wlied maħbuba, ilkoll marbutin flimkien fit-tgħanniqa waħda ta’ mħabbtu.

Meta nħarsu lejn il-misteru tal-komunjoni ekkleżjali, imnissla u mħarsa mill-Ispirtu s-Santu, nistgħu nifhmu wkoll is-sinifikat tal-équipes sinodali u tal-organi ta’ parteċipazzjoni; dawn jesprimu dak li jseħħ fil-Knisja, fejn ir-relazzjonijiet ma jweġbux għal-loġika tal-poter imma għal dik tal-imħabba. Tal-ewwel – biex infakkar fi twissija kostanti tal-Papa Franġisku – hi loġika “mondana”, filwaqt li fil-Komunità Nisranija l-primat hu tal-ħajja spiritwali, li tgħinna niskopru li aħna lkoll ulied Alla, aħwa ta’ xulxin, imsejħin naqdu lil xulxin.

Ritratt: Vatican Mediaa

Regola suprema, fil-Knisja, hi l-imħabba: ħadd ma hu msejjaħ biex jikkmanda, u kulħadd hu msejjaħ biex jaqdi; ħadd ma għandu jimponi l-ideat tiegħu, u lkoll għandna nagħtu widen lil xulxin; ħadd ma hu eskluż, u lkoll aħna msejħin nieħdu sehem; ħadd ma għandu l-verità sħiħa kollha, u lkoll għandna nfittxuha b’umiltà, u nfittxuha flimkien.

Proprju l-kelma “flimkien” tesprimi s-sejħa għall-komunjoni fil-Knisja. Il-Papa Franġisku dan fakkarhulna wkoll fl-aħħar Messaġġ tiegħu għar-Randan: “Nimxu flimkien, inkunu sinodali, din hi l-vokazzjoni tal-Knisja. L-Insara għandhom is-sejħa li jimxu flimkien, qatt bħala vjaġġaturi solitarji. L-Ispirtu s-Santu jimbuttana ħalli noħorġu minna nfusna biex nimxu lejn Alla u lejn ħutna, biex qatt ma ningħalqu fina nfusna. Nimxu flimkien ifisser li nkunu nissieġa tal-għaqda ibda mid-dinjità komuni tagħna bħala wlied Alla” (Franġisku, Messaġġ għar-Randan, 6 ta’ Frar 2025).

Nimxu flimkien. Hekk jidhru li qed jagħmlu ż-żewġ persunaġġi tal-parabbola li għadna kemm smajna fil-Vanġelu. Il-Fariżew u l-pubblikan jitilgħu t-tnejn li huma t-Tempju biex jitolbu, nistgħu ngħidu li “jitilgħu flimkien” jew, hu x’inhu, it-tnejn li huma jsibu ruħhom fil-post imqaddes; imma huma mifrudin u bejniethom ma hemm ebda komunikazzjoni. It-tnejn li huma jagħmlu l-istess triq, imma din tagħhom ma hix mixja flimkien; it-tnejn li huma jinsabu fit-Tempju, imma wieħed imur ifittex l-ewwel post u l-ieħor jibqa’ f’tal-aħħar; it-tnejn li huma jitolbu lill-Missier, imma mingħajr ma huma aħwa u mingħajr ma jaqsmu xejn.

Ritratt: Vatican Media

Dan jiddependi fuq kollox mill-atteġġjament tal-Fariżew. It-talba tiegħu, li minn barra jidher li qed jagħmilha lil Alla, hija biss mera fejn joqgħod iħares lejh innifsu, jiġġustifika lilu nnifsu, ifaħħar lilu nnifsu. Hu “kien tela’ biex jitlob; imma ma riedx jitlob lil Alla, imma biss ifaħħar lilu nnifsu” (Wistin, Diskors 115,2), iħossu aħjar mill-ieħor, jiġġudikah bi stmerrija u jħares lejh minn fuq għal isfel. Huwa ossessjonat bil-jien tiegħu u, hekk, jispiċċa jdur miegħu nnifsu mingħajr ma għandu ebda relazzjoni la ma’ Alla u lanqas mal-oħrajn.

Ħuti, dan jista’ jiġri wkoll fil-Komunità Nisranija. Jiġri meta l-jien jirbaħ fuq l-aħna, u jiġġenera personaliżmi li jxekklu r-relazzjonijiet awtentiċi u fraterni; meta l-pretensjoni li aħna aħjar mill-oħrajn, kif jagħmel il-Fariżew mal-pubblikan, toħloq firda u tibdel il-Komunità f’post ta’ ġudizzju u li jeskludi; meta wieħed iserraħ fuq ir-rwol li għandu biex iħaddem il-poter u jokkupa hu l-ispazji.

Imma aħna lejn il-pubblikan għandna nħarsu. Bl-istess umiltà tiegħu, anki fil-Knisja rridu lkoll nagħrfu li aħna fil-bżonn ta’ Alla u fil-bżonn ta’ xulxin, u nitħarrġu fl-imħabba lejn xulxin, fis-smigħ reċiproku, fil-ferħ li nimxu flimkien, għax nafu li “Kristu jappartieni lil dawk li jisimgħu b’umiltà, mhux lil dawk li jintrefgħu fuq il-merħla” (San Klement ta’ Ruma, Ittra lill-Korintin, c. XVI).

Ritratt: Vatican Media

L-équipes sinodali u l-organi ta’ parteċipazzjoni huma xbieha ta’ din il-Knisja li tgħix fil-komunjoni. U llum nixtieq nagħmlilkom sejħa: fis-smigħ tal-Ispirtu, fid-djalogu, fil-fraternità u fil-parresìa, għinuna nifhmu li, fil-Knisja, qabel kull differenza, aħna msejħin biex nimxu flimkien u nfittxu lil Alla, biex nerġgħu nilbsu s-sentimenti ta’ Kristu; għinuna nwessgħu l-ispazju ekkleżjali biex isir kolleġġjali u akkoljenti.

Dan jgħinna biex ngħixu b’fiduċja u bi spirtu ġdid qalb it-tensjonijiet li jkun hemm fil-ħajja tal-Knisja – bejn l-għaqda u d-diversità, it-tradizzjoni u l-ġdid, l-awtorità u l-parteċipazzjoni –, u nħallu l-Ispirtu jibdilhom, biex ma jsirux kontrappożizzjonijiet ideoloġiċi u polarizzazzjonijiet li jagħmlu l-ħsara. Mhux ħa nsolvuhom billi nirriduċu waħda għall-oħra, imma nħalluhom isiru għammiela fl-Ispirtu, biex jiġu armonizzati u orjentati lejn dixxerniment komuni. Bħala équipes sinodali u membri tal-organiżmi ta’ parteċipazzjoni, fil-fatt, intom tafu li d-dixxerniment ekkleżjali jitlob “libertà interjuri, umiltà, talb, fiduċja reċiproka, ftuħ għall-ġdid u telqa f’idejn ir-rieda ta’ Alla. Qatt ma hu l-affermazzjoni ta’ veduta personali jew ta’ grupp, lanqas jintlaħaq fis-sempliċi ġabra ta’ pariri individwali” (Dokument finali, 26 ta’ Ottubru 2024, n. 82). Li nkunu Knisja Sinodali jfisser nagħrfu li l-verità ma nistgħux nipposseduha, imma nfittxuha flimkien, billi nħallu tmexxina qalb li titħasseb u tinnamra mal-Imħabba.

Ritratt: Vatican Media

Għeżież, irridu noħolmu u nibnu Knisja umli. Knisja li ma toqgħodx bilwieqfa dritta bħall-Fariżew, trijonfanti u minfuħa biha nfisha, imma titbaxxa biex taħsel riġlejn l-umanità; Knisja li ma tiġġudikax kif jagħmel il-Fariżew mal-pubblikan, imma ssir spazju li jilqa’ lil kulħadd u lil kull wieħed u waħda; Knisja li ma tingħalaqx fiha nfisha, imma tibqa’ tagħti widen lil Alla biex tista’ bl-istess mod tagħti widen lil kulħadd. Ejjew inħabirku biex nibnu Knisja kollha sinodali, kollha ministerjali, kollha miġbuda lejn Kristu u allura miftuħa għall-qadi tad-dinja.

Fuqkom, fuqna lkoll, fuq il-Knisja mxerrda mad-dinja, insejjaħ l-interċessjoni tal-Verġni Marija bi kliem il-Qaddej ta’ Alla Don Tonino Bello: “Santa Marija, mara konvivjali, seddaq fil-Knejjes tagħna l-ħeġġa għall-komunjoni. […] Għinhom jegħlbu l-firdiet interni. Indaħal int meta fi ħdanhom hemm jisserrep id-demonju tan-nuqqas ta’ ftehim. Itfi l-fuklari tal-firdiet. Sewwi t-tilwim ta’ bejniethom. Xejjen il-ġlied tagħhom. Waqqafhom meta jaqtgħuha li jaħdmu waħidhom u jwarrbu l-qbil fuq proġetti komuni” (Maria, Donna dei nostri giorni, Cinisello Balsamo 1993, 99). 

Ħa jagħtina l-Mulej din il-grazzja: li nniżżlu l-għeruq tagħna fl-imħabba ta’ Alla biex ngħixu f’komunjoni bejnietna. Biex inkunu, bħala Knisja, xhieda ta’ għaqda u ta’ mħabba.

Scroll to Top