Omelija tal-Papa Ljun XIV
Għeżież ħuti, illum qed niċċelebraw il-Ġublew tat-Tama għad-dinja tal-ħabsijiet, għall-ħabsin u għal dawk kollha li jieħdu ħsieb tar-realtà penitenzjarja. B’għażla mimlija sinifikat, dan qed nagħmluh fit-Tielet Ħadd tal-Avvent, li l-liturġija ssejjaħlu “Gaudete!”, mill-kelmiet li bihom tiftaħ l-Antifona tad-dħul tal-Quddiesa (ara Fil 4:4). Fis-Sena Liturġika dan huwa Ħadd “il-ferħ”, li jfakkarna fid-dimensjoni mdawla tal-istennija: il-fiduċja li xi ħaġa sabiħa u ta’ ferħ sejra sseħħ.
Dwar hekk, fis-26 ta’ Diċembru tas-sena l-oħra, il-Papa Franġisku, huwa u jiftaħ il-Bieb Imqaddes tal-Knisja tal-Missierna, fil-Ħabs ta’ Rebibbia, għamel stedina lil kulħadd, u qal: “Żewġ affarijiet ngħidilkom. L-ewwel: il-ħabel f’idejkom, bl-ankra tat-tama. It-tieni: iftħu beraħ il-bibien tal-qlub tagħkom”. F’riferiment għax-xbieha ta’ ankra mixħuta lejn l-eternità, lil hemm minn kull fruntiera ta’ spazju u ta’ żmien (ara Lhud 6:17-20), stedinna nżommu ħajja l-fidi fil-ħajja li hemm tistenniena, u nemmnu dejjem fil-possibbiltà ta’ futur aħjar. Imma fl-istess waqt sejħilna biex inkunu, b’qalb ġeneruża, operaturi ta’ ġustizzja u ta’ karità fl-ambjenti li fihom ngħixu.

Huwa u joqrob l-għeluq tas-Sena Ġubilari, irridu nagħrfu li, minkejja l-impenn ta’ ħafna, anki fid-dinja tal-ħabsijiet għad hemm ħafna xi jsir f’din id-direzzjoni, u kliem il-profeta Iżaija li għadna kemm smajna – “Jerġgħu lura l-mifdijin tal-Mulej, u jidħlu f’Sijon jgħajtu bil-ferħ” (Iż 35:10) – ifakkarna li Alla hu Dak li jifdi, li jeħles, u jidwi bħala missjoni importanti u impenjattiva għalina lkoll. Bla dubju, il-ħabs hu ambjent diffiċli u mqar l-aħjar xewqat hawn jistgħu jiltaqgħu ma’ tant xkiel. Imma proprju għalhekk ma rridux negħjew, naqtgħu qalbna jew inħarsu lura, imma nimxu ’l quddiem b’determinazzjoni, kuraġġ u spirtu ta’ kollaborazzjoni. Fil-fatt huma ħafna li għadhom mhumiex jifhmu li minn kull waqgħa tista’ terġa’ tqum, li ebda bniedem ma huwa dak li hu jagħmel, u li l-ġustizzja hi dejjem proċess ta’ tiswija u ta’ rikonċiljazzjoni.
Imma meta nieħdu ħsieb, imqar fl-aktar kundizzjonijiet diffiċli, il-ġmiel tas-sentimenti, is-sensibbiltà, l-attenzjoni għall-ħtiġijiet tal-oħrajn, ir-rispett, il-ħila li nħennu u naħfru, allura mill-art iebsa tat-tbatija u tad-dnub iwarrdu fjuri mill-isbaħ u anki bejn il-ħitan tal-ħabsijiet jitrawmu ġesti, proġetti u laqgħat uniċi fl-umanità tagħhom. Hi ħidma fuq is-sentimenti u l-ħsibijiet meħtieġa għall-persuni mċaħħda mil-libertà, imma qabelxejn għal min għandu l-piż kbir li jirrappreżenta quddiemhom u għalihom il-ġustizzja. Il-Ġublew hu sejħa għall-konverżjoni u proprju hekk huwa motiv ta’ tama u ta’ ferħ.
Għalhekk importanti li nħarsu qabelxejn lejn Ġesù, lejn l-umanità tiegħu, lejn is-Saltna tiegħu, fejn “l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu […], l-Evanġelju jixxandar lill-foqra” (Mt 11:5), u hekk niftakru li, jekk xi drabi mirakli bħal dawn iseħħu b’interventi straordinarji ta’ Alla, iktar spiss huma fdati f’idejna, f’idejn il-mogħdrija tagħna, l-attenzjoni, l-għerf u r-responsabbiltà tal-komunitajiet tagħna u tal-istituzzjonijiet tagħna.

U dan iġibna għal dimensjoni oħra tal-profezija li għadna kemm smajna: l-impenn biex nippromovu f’kull ambjent – u llum nisħqu, b’mod partikulari, fil-ħabsijiet – ċiviltà msejsa fuq kriterji ġodda, u fl-aħħar mill-aħħar fuq l-imħabba, kif qal San Pawlu VI fl-għeluq tas-Sena Ġubilari tal-1975: “Din” – l-imħabba – “għandha tkun, speċjalment fuq il-livell tal-ħajja pubblika, […] il-prinċipju tas-siegħa l-ġdida ta’ grazzja u ta’ rieda tajba, li l-kalendarju tal-istorja jiftħilna quddiemna: iċ-ċiviltà tal-imħabba!” (Udjenza ġenerali, 31 ta’ Diċembru 1975).
Għal dan il-għan, il-Papa Franġisku awgura, b’mod partikulari, li fis-Sena Mqaddsa jingħataw ukoll “forom ta’ amnestija u ta’ tnaqqis fil-piena bl-għan li jgħinu lill-persuni jerġgħu jiksbu l-fiduċja fihom infushom u fis-soċjetà” (Bolla Spes non confundit, 10), u biex noffru lil kulħadd opportunitajiet veri ta’ inseriment mill-ġdid (ara ibid.). Nittama li f’ħafna pajjiżi x-xewqa tiegħu tingħata widen. Il-Ġublew, kif nafu, fl-oriġni biblika tiegħu kien sewwasew sena ta’ grazzja li fiha lil kull persuna, b’ħafna modi, kienet tiġi offruta l-possibbiltà li tibda mill-ġdid (ara Lev 25:8-10).
Anki l-Vanġelu li għadna kemm smajna jkellimna fuq hekk. Ġwanni l-Battista, huwa u jipprietka u jgħammed, stieden lill-poplu biex jikkonverti u jaqsam mill-ġdid, simbolikament, ix-xmara, bħal fi żmien Ġożwè (ara Ġoż 3:17), biex jidħol jieħu pussess tal-“art imwiegħda”, jiġifieri ta’ qalb irrikonċiljata ma’ Alla u mal-aħwa. U hi elokwenti, f’dan is-sens, il-figura tiegħu ta’ profeta: kien rett, awster, jitkellem bi frankezza tant li ġie mixħut il-ħabs minħabba l-qlubija ta’ kliemu – ma kienx “qasba tixxejjer mar-riħ” (Mt 11:7) –; u safrattant fl-istess waqt kien għani fil-ħniena u jifhem lil min, sinċerament niedem, kien jitħabat biex jinbidel (ara Lq 3:10-14).

Santu Wistin, dwar dan, f’kumment famuż tiegħu għall-episodju evanġeliku tal-adultera maħfura (ara Ġw 8:1-11), jagħlaq billi jgħid: “Xħin telqu dawk li xlewha, baqgħu hemm […] l-imsejkna u l-ħniena. U lil dik il-Mulej qalilha: […] mur u tidnibx iktar (Ġw 8:10-11)” (Sermo 302, 14).
Għeżież, il-ħidma li l-Mulej qed jafdalkom – lilkom kollha, ħabsin u responsabbli mid-dinja tal-ħabsijiet – mhijiex waħda faċli. Il-problemi li jridu jiġu affrontati huma bosta. Biżżejjed naħsbu fin-numri kbar wisq fil-ħabsijiet, fl-impenn li għadu mhux biżżejjed biex niggarantixxu programmi edukattivi stabbli ta’ rkupru u opportunitajiet ta’ xogħol. U ma ninsewx, fuq livell iktar personali, il-piż tal-passat, il-ġrieħi li jridu jiddewwew fil-ġisem u fil-qalb, id-delużjonijiet, is-sabar bla tarf li hemm bżonn, magħna nfusna u mal-oħrajn, meta nibdew mixjiet ta’ konverżjoni, u t-tentazzjoni li nċedu jew li ma naħfrux aktar. Imma l-Mulej, lil hemm minn kollox, jissokta jtennilna li ħaġa waħda hi importanti: li ħadd ma jintilef (ara Ġw 6:39) u li kulħadd “isalva” (1 Tim 2:4).
Ħadd ma għandu jintilef! Kulħadd għandu jsalva! Dan hu li jrid Alla tagħna, din hi s-Saltna tiegħu, lejn dan timmira l-azzjoni tiegħu fid-dinja. Waqt li qed joqrob il-Milied, irridu nħaddnu aħna wkoll, b’qawwa akbar, il-ħolma tiegħu, sħaħ fl-impenn tagħna (ara Ġak 5:8) u fiduċjużi. Għax nafu li mqar quddiem l-ikbar sfidi aħna m’aħniex waħidna: il-Mulej hu fil-qrib (ara Fil 4:5), jimxi magħna u, miegħu biswitna, dejjem sa sseħħ xi ħaġa sabiħa u ta’ ferħ.
