Omelija tal-Papa Ljun XIV
Għeżież ħuti,
Il-Evanġelu (ara Mt 2:1-12) fissrilna l-ferħ kbir tal-Maġi meta lemħu mill-ġdid il-kewkba (ara v. 10), imma anki l-konfużjoni ta’ Erodi u Ġerusalemm kollha quddiem it-tiftixa tagħhom (ara v. 3). Kull darba li jkun hemm xi manifestazzjoni ta’ Alla, l-Iskrittura Mqaddsa ma taħbix din l-għamla ta’ kuntrasti: ferħ u konfużjoni, reżistenza u ubbidjenza, biża’ u xewqa. Illum qed niċċelebraw l-Epifanija tal-Mulej, bl-għarfien li fil-preżenza tiegħu xejn ma jibqa’ kif kien qabel. Dan huwa l-bidu tat-tama. Alla juri ruħu u xejn ma jista’ jibqa’ wieqaf. Tintemm ċerta għamla ta’ trankwillità, dik li lill-malinkoniċi ġġagħalhom itennu: “Xejn ġdid m’hemm taħt ix-xemx” (Koħ 1:9). Tibda xi ħaġa li minnha jiddependu l-preżent u l-futur, kif iħabbar il-Profeta: “Qum! Ħa jiddi wiċċek! Id-dawl tiegħek wasal! Jiddi fuqek sebħ il-Mulej!” (Iż 60:1).
Jissorprendina l-fatt illi hija Ġerusalemm li titħawwad, belt li xehdet għal tant waqtiet ta’ bidu ġdid. Fi ħdanha, proprju min jistudja l-Iskrittura u jaħseb li għandu t-tweġibiet kollha donnu tilef il-ħila li jistaqsi lilu nnifsu u li jġorr fih xewqat. Anzi, il-belt hi mbeżżgħa minn min ġej għandha mill-bogħod, imqanqal mit-tama, sal-punt li tħoss ċerta theddida f’dak li, bil-maqlub, messu jimlieha b’ħafna ferħ. Din ir-reazzjoni tisfida lilna wkoll, bħala Knisja.

Il-Bieb Imqaddes ta’ din il-Bażilika, li, l-aħħar wieħed, illum ġie magħluq, ra l-influss ta’ għadd bla tarf ta’ rġiel u nisa, pellegrini tat-tama, mexjin lejn il-Belt li bibienha dejjem miftuħa, Ġerusalemm il-ġdida (ara Apok 21:25). Min kienu u x’kien li ċaqlaqhom? Tisfidana b’ċerta serjetà, fi tmiem is-Sena Ġubilari, it-tiftixa spiritwali tan-nies ta’ żmienna, ħafna aktar għanja minn kemm forsi nistgħu nifhmu. Miljuni minnhom rifsu l-għatba tal-Knisja. X’sabu? Liema qlub, liema attenzjoni, liema korrispondenza? Iva, il-Maġi għadhom jeżistu. Huma persuni li jaċċettaw l-isfida li kull wieħed minnhom jirriskja l-vjaġġ tiegħu, li f’dinja mqallba bħal tagħna, li f’ħafna aspetti hi mħarbta u perikoluża, iħossu l-esiġenza li jmorru, li jfittxu.
Homo viator, kienu jgħidu l-antiki. Aħna ħajjiet li mexjin. Il-Vanġelu jimpenja lill-Knisja biex ma tibżax minn dinamiżmu bħal dan, imma tapprezzah u torjentah lejn Alla li jqanqlu. Huwa Alla li jista’ jdejjaqna, għax ma jafx joqgħod kwiet f’idejna bħall-idoli tal-fidda u d-deheb: imma hu ħaj u jagħti l-ħajja, bħal dik it-Tarbija li Marija kellha f’dirgħajha u l-Maġi adurawha. Postijiet imqaddsa bħall-Katidrali, il-Bażiliċi, is-Santwarji, li saru destinazzjonijiet ta’ pellegrinaġġ ġubilari, għandhom ixerrdu l-fwieħa tal-ħajja, l-impressjoni li ma titħassarx li issa bdiet dinja ġdida.
Nistaqsu lilna nfusna: hemm ħajja fil-Knisja tagħna? Hemm spazju għal dak li qed jitwieled? Inħobbu u nħabbru Alla li jerġa’ jpoġġina f’mixja?

Fir-rakkont, Erodi hu beżgħan għat-tron tiegħu, jinfixel minħabba dak li jħossu barra mill-kontroll tiegħu. Jipprova japprofitta mix-xewqa tal-Maġi u jfittex kif ħa jdawwar it-tiftixa tagħhom għall-vantaġġ tiegħu. Lest li jigdeb, lest għal kollox; fil-fatt, il-biża’ jagħmik. Imma l-ferħ tal-Vanġelu jeħilsek: jagħmlek prudenti, iva, imma anki qalbieni, attent u kreattiv; jissuġġerixxi toroq differenti minn dawk li diġà mxejt.
Il-Maġi jieħdu magħhom Ġerusalemm mistoqsija sempliċi u essenzjali: “Fejn hu Dak li twieled?” (Mt 2:2). Kemm hu importanti li min jgħaddi mill-bieb tal-Knisja jħoss li l-Messija għadu kemm twieled, li hemmhekk tinġabar komunità li fiha feġġet it-tama, li hemmhekk għaddejja storja ta’ ħajja! Il-Ġublew ġie biex ifakkarna li nistgħu nerġgħu nibdew mill-ġdid, anzi li aħna għadna fil-bidu, li l-Mulej irid jikber fostna, irid ikun Alla-magħna. Iva, Alla jpoġġi fid-dubju l-ordni eżistenti: għandu ħolm li jnebbaħ illum ukoll lill-profeti tiegħu; hu determinat li jifdina minn jasar antik u ġdid; jinvolvi żgħażagħ u anzjani, foqra u għonja, irġiel u nisa, qaddisin u midinbin fl-opri tiegħu ta’ ħniena, fl-għeġubijiet tal-ġustizzja tiegħu. Ma jagħmilx storbju, imma s-Saltna tiegħu diġà qed twarrad kullimkien fid-dinja.

Dawn l-epifaniji huma mogħtija lilna jew waslu biex jingħatawlna! Imma għandhom jinħatfu minn taħt l-intenzjonijiet ta’ Erodi, minn biżgħat li dejjem lesti jinbidlu f’aggressjoni. “Minn żmien Ġwanni l-Battista sal-lum is-Saltna tas-Smewwiet il-bnedmin qegħdin jitħabtu bis-sħiħ għaliha, u dawk li jitħabtu bis-sħiħ jaħtfuha” (Mt 11:12). Din l-espressjoni misterjuża ta’ Ġesù, li nsibu fi-Vanġelu ta’ Mattew, ma tistax ma ġġagħalniex naħsbu f’tant kunflitti li bihom il-bnedmin jistgħu jirreżistu u saħansitra jfieru l-Ġdid li Alla għandu mħejji għal kulħadd. Li nħobbu l-paċi, li nfittxu l-paċi, ifisser nipproteġu dak li hu qaddis u proprju għalhekk għadu qed jitwieled: ċkejken, delikat, dgħajjef bħal tarbija. Madwarna, ekonomija mgħawġa qed tipprova tagħmel profitt minn kollox. Dan nistgħu narawh: is-suq jibdel f’negozju mqar l-għatx tal-bniedem li jfittex, li jivvjaġġa, li jerġa’ jibda. Nistaqsu: il-Ġublew edukana biex naħarbu minn din l-għamla ta’ effiċjenza li tirriduċi kull ħaġa għal prodott u lill-bniedem għal konsumatur? Wara din is-sena, se nkunu iżjed kapaċi nagħrfu fil-viżitatur pellegrin, f’min ma nafux xi ħadd li qed ifittex, fl-imbiegħed qarib, f’min hu differenti sieħeb tal-vjaġġ?
Il-mod li bih Ġesù ltaqa’ ma’ kulħadd u ħalla lil kulħadd jersaq lejh jgħallimna nistmaw is-sigriet tal-qlub li hu biss jaf jaqra. Miegħu nitgħallmu nagħrfu s-sinjali taż-żminijiet (ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, 4). Dan ħadd ma jista’ jbigħhulna. It-Tarbija li l-Maġi qiemu hija Ġid bla prezz u bla qies. Hija l-Epifanija tal-gratwità. Mhux jistenniena fil-“locations” prestiġjużi, imma fir-realtajiet umli. “U int, Betlehem, art ta’ Ġuda, le, m’intix l-iżgħar fost il-bliet il-kbar ta’ Ġuda” (Mt 2:6). Kemm bliet, kemm komunitajiet għandhom bżonn jisimgħu min jgħidilhom: “Mhux veru li int l-aħħar”. Iva, il-Mulej għadu jissorprendina! Iridna nsibuh. It-toroq tiegħu mhumiex it-toroq tagħna, u l-vjolenti ma jirnexxilhomx jiddominawhom, lanqas is-setgħanin tal-art ma jistgħu jimblukkawhom. Minn hawn jiġi l-ferħ l-aktar kbir tal-Maġi li jħallu warajhom il-palazz u t-tempju u joħorġu lejn Betlehem: huwa hawn li jerġgħu jilmħu l-kewkba!
Għalhekk, għeżież ħuti, hi ħaġa sabiħa li nsiru pellegrini tat-tama. U hi ħaġa sabiħa li nkomplu nkunu hekk, flimkien! Il-fedeltà ta’ Alla għad terġa’ tgħaġġibna. Jekk il-knejjes tagħna ma nirriduċuhomx għal monumenti, jekk il-komunitajiet tagħna jkunu djar, jekk magħqudin nibqgħu nirreżistu għall-ħajriet tas-setgħanin, allura nkunu l-ġenerazzjoni taż-żerniq ġdid. Marija, Kewkba ta’ filgħodu, timxi dejjem quddiemna! F’Binha nikkontemplaw u naqdu umanità mill-isbaħ, mibdula mhux mid-dellirji tal-omnipotenza, imma minn Alla li sar bniedem għall-imħabba tagħna.

