“Itolbu u jingħatalkom, fittxu u ssibu, ħabbtu u jiftħulkom” (Lq 11:9). Ġesù b’dawn il-kelmiet jistedinna nduru b’fiduċja fuq il-Missier fil-bżonnijiet kollha tagħna.
Qed nisimgħuhom aħna u niċċelebraw il-Ġublew tal-Ħajja Kkonsagrata, li ġabkom hawn f’għadd kbir, minn tant partijiet tad-dinja – reliġjużi rġiel u nisa, monaċi u kontemplattivi, membri tal-istituti sekulari, membri tal-Ordo virginum, eremiti u membri ta’ “istituti ġodda” – li ġejtu Ruma biex tgħixu flimkien il-Pellegrinaġġ ġubilari, biex tafdaw ħajjitkom lil dik il-ħniena li tagħha, permezz tal-professjoni reliġjuża, impenjajtu ruħkom li tkunu sinjal profetiku, għax li tgħix il-voti jfisser tintelaq bħal tfal f’dirgħajn il-Missier.

“Itolbu”, “fittxu”, “ħabbtu” – il-verbi tat-talb użati mill-evanġelista Luqa – huma atteġġjamenti familjari għalikom, imdorrijin mill-prattika tal-kunsilli evanġeliċi illi titolbu bla ma tippretendu, doċli għall-ħidma ta’ Alla. Mhux ta’ b’xejn li l-Konċilju Vatikan II jitkellem fuq il-voti bħala mezz siewi biex wieħed “ikun jista’ jikseb frott iżjed kotran tal-grazzja tal-Magħmudija” (Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 44). “Nitolbu”, fil-fatt, ifisser nirrikonoxxu, fil-faqar tagħna, li kollox huwa don tal-Mulej u rroddu ħajr ta’ kollox; “infittxu” jfisser ninfetħu, fl-ubbidjenza, biex niskopru kuljum it-triq li għandna nimxu fil-mixja tal-qdusija, skont il-pjan ta’ Alla; “inħabbtu” jfisser nitolbu u noffru lil ħutna d-doni li rċivejna b’qalb safja, u nagħmlu mezz li nħobbu lil kulħadd b’rispett u mingħajr ħlas.
F’dan is-sens nistgħu naqraw il-kelmiet li Alla jgħid lill-profeta Malakija fl-Ewwel Qari. Hu jsejjaħ lin-nies ta’ Ġerusalemm “teżor liema bħalu” (Mal 3:17) u jgħid lill-profeta: “Nagħdirhom kif raġel jagħder lil ibnu li jaqdih” (ibid.). Huma espressjonijiet li jfakkruna fl-imħabba li biha l-Mulej, meta sejħilna, mexa qabilna: okkażjoni, b’mod partikulari għalikom, biex tfakkru l-gratwità tal-vokazzjoni tagħkom, ibda mill-oriġini tal-kongregazzjonijiet li minnhom tagħmlu parti sal-mument preżenti, mill-ewwel passi tal-mixja personali tagħkom sa dan il-mument. Ilkoll kemm aħna ninsabu hawn qabelxejn għaliex hu riedna u ħatarna, minn dejjem.
Għalhekk, li “nitolbu”, “infittxu”, “inħabbtu” jfisser ukoll inħarsu lura lejn il-ħajja tagħna, niftakru fil-ħsieb u fil-qalb tagħna kemm għamel il-Mulej, matul is-snin, biex ikattar it-talenti, biex ikabbar u jsaffi l-fidi, biex jagħmel iżjed ġeneruża u ħielsa l-imħabba. Xi drabi dan seħħ f’ċirkustanzi hienja, xi drabi oħra f’toroq iżjed diffiċli biex nifhmuhom, forsi permezz tal-forġa misterjuża tat-tbatija: imma dejjem fit-tħaddina ta’ dik it-tjieba paterna li tikkaratterizza l-ħidma tiegħu fina u bina, għall-ġid tal-Knisja (ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 43).

U dan iwassalna għat-tieni riflessjoni, dwar Alla bħala l-milja u t-tifsira tal-ħajja tagħna: għalikom, għalina, il-Mulej huwa kollox. Huwa hekk b’diversi modi: bħala Ħallieq u għajn tal-ħajja, bħala mħabba li ssejjaħ u tisfida, bħala qawwa li timbutta u tanima d-don. Mingħajru xejn ma jeżisti, xejn ma għandu sens, xejn ma jiswa, u dak li intom “titolbu”, “tfittxu” u “tħabbtu”, fit-talb bħal fil-ħajja, jolqot ukoll din il-verità. Santu Wistin, dwar hekk, ifisser il-preżenza ta’ Alla fil-ħajja tiegħu bi xbihat mill-isbaħ. Jitkellem fuq dawl li jmur lil hemm mill-ispazju, fuq leħen li ż-żmien ma jxejnux, fuq togħma li l-kilba ma ttemmhiex, fuq ġuħ li l-għatx ma jitfihx, u jagħlaq: “Dan hu li nħobb, meta nħobb lil Alla tiegħi” (Stqarrijiet, 10,6.8). Huma l-kelmiet ta’ mistiku, imma huma tant qrib anki ta’ dak li ngħixu aħna, u juri l-bżonn tal-infinit li hemm fil-qalb ta’ kull bniedem ta’ żmienna. Proprju għalhekk li l-Knisja tafdalkom il-ħidma li tkunu, bit-tneżżigħ tagħkom minn kollox, xhieda tal-primat ta’ Alla fil-ħajja tagħkom, biex tgħinu mill-aħjar li tistgħu anki lill-aħwa li magħhom tiltaqgħu biex jikkultivaw din il-ħbiberija miegħu.
Mill-bqija l-istorja tgħallimna li minn esperjenza awtentika ta’ Alla toħroġ dejjem ħeġġa ġdida u ġeneruża ta’ mħabba, kif seħħ fil-ħajja tal-fundaturi tagħkom, irġiel u nisa nnamrati mal-Mulej u għalhekk lesti li jsiru “kollox għal kulħadd” (1 Kor 9:22), bla distinzjonijiet, fil-modi u fl-oqsma l-aktar differenti.
Huwa minnu li llum ukoll, bħal fi żmien Malakija, hemm min jgħid: “Hu għal xejn li taqdi lil Alla!” (Mal 3:14). Huwa mod ta’ ħsieb li jwassal għal paraliżi vera u proprja tar-ruħ, fejn nikkuntentaw b’ħajja magħmula minn mumenti li jaħarbulna, minn relazzjonijiet superfiċjali u sporadiċi, minn modi li jgħaddu, kollox ħwejjeġ li jħallu vojt fil-qalb. Biex ikun tassew hieni, il-bniedem ma għandux bżonn ta’ dan, imma ta’ esperjenzi ta’ mħabba konsistenti, li jtulu, solidi, u intom, bl-eżempju tal-ħajja kkonsagrata tagħkom, bħas-siġar li jħaddru li dwarhom kantajna fis-Salm Responsorjali (ara Salm 1:3), tistgħu xxerrdu fid-dinja l-ossiġnu ta’ dan il-mod ta’ mħabba.

Imma hemm l-aħħar dimensjoni tal-missjoni tagħkom li fuqha nixtieq nieqaf. Smajna lill-Mulej jgħid lin-nies ta’ Ġerusalemm: “titla’ x-xemx tal-ġustizzja” (Mal 3:20): allura jistedinhom jittamaw fil-milja tad-destin tagħhom li jmur lil hemm mill-preżent. Dan ifakkarna fid-dimensjoni eskatoloġika tal-ħajja Nisranija, li tridna impenjati fid-dinja, imma fl-istess waqt kontinwament miftuħa għall-eternità. Hija stedina għalikom biex twessgħu n-“nitolbu”, l-“infittxu” u l-“inħabbtu” tat-talb u tal-ħajja għax-xefaq etern li jittraxxendi r-realtajiet ta’ din id-dinja, biex norjentawhom għall-Ħadd mingħajr għabex li fih “il-bnedmin kollha jidħlu fil-[…] mistrieħ [ta’ Alla]” (Messal Ruman, Prefazju tal-Ħdud taż-Żmien ta’ Matul is-Sena X). Il-Konċilju Vatikan II, dwar dan, jafdalkom ħidma speċifika, meta jgħid li l-ikkonsagrati huma msejħin b’mod partikulari biex ikunu xhieda tal-“ġid li għad irid jiġi” (ara Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 44).
Għeżież, il-Mulej, li lilu tajtu kollox, ħallaskom lura b’tant ġmiel u għana, u jiena nixtieq insejħilkom biex tagħmlu teżor u tikkultivaw dan, waqt li bħala konklużjoni nfakkar f’xi espressjonijiet ta’ San Pawlu VI: “Żommu ħajja fikom”, kiteb lir-reliġjużi, “is-sempliċità tal-‘iżjed ċkejkna’ tal-Vanġelu. Agħrfu ssibuha fir-relazzjoni l-aktar ġewwenija u kordjali ma’ Kristu, jew fil-kuntatt dirett ma’ ħutkom. Mela, ikkonsagraw ‘il-qabża ta’ ferħ għall-ħidma tal-Ispirtu s-Santu’, li hi ta’ dawk li jiġu mdaħħlin fil-moħbiet tas-Saltna. Tfittxux li tidħlu fl-għadd ta’ dawk ‘għorrief u li jifhmu’ […] li għalihom dawn is-sigrieti huma moħbija. Kunu tassew foqra, qalbkom ħelwa, imġewħa għall-qdusija, ħanina, safja f’qalbkom, dawk li grazzi għalihom id-dinja tagħraf is-sliem ta’ Alla” (San Pawlu VI, Eżortazzjoni appostolika Evangelica testificatio, 29 ta’ Ġunju 1971, 54).