Il-Papa Ljun XIV iħeġġeġ biex nerġgħu nqajmu l-għarfien tal-vokazzjoni missjunarja tagħna

Għeżież ħuti,

Illum qed niċċelebraw il-Ġublew tad-Dinja Missjunarja u tal-Migranti. Hi okkażjoni sabiħa biex inġeddu fina l-kuxjenza tas-sejħa missjunarja, li tinbet mix-xewqa li nwasslu lil kulħadd il-ferħ u l-faraġ tal-Vanġelu, speċjalment lil dawk li qed jgħixu storja diffiċli u mimlija ġerħat. Jiġuni f’moħħi b’mod partikulari ħutna l-migranti, li kellhom jitilqu arthom, u spiss iħallu warajhom l-għeżież tagħhom, jgħaddu l-iljieli tal-biża’ u tas-solitudni, u jġarrbu d-diskriminazzjoni u l-vjolenza.

Ninsabu hawn għaliex, ħdejn il-qabar tal-Appostlu Pietru, kull wieħed u waħda minna għandu jkun jista’ jlissen bil-ferħ: il-Knisja kollha hi missjunarja, u huwa urġenti – kif stqarr il-Papa Franġisku – li “toħroġ biex tħabbar il-Vanġelu lil kulħadd, kullimkien, f’kull okkażjoni, bla tnikkir, bla qatt tiċħadha u bla biża’” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 23).

Ritratt: Vatican Media

L-Ispirtu qed jibgħatna nkomplu l-opra ta’ Kristu fil-periferiji tad-dinja, immarkati xi drabi mill-gwerra, mill-inġustizzja u mit-tbatija. Quddiem dawn ix-xenarji mudlama, terġa’ toħroġ il-karba li tant drabi fl-istorja telgħet quddiem Alla: għaliex, Mulej, ma tindaħalx? Għaliex tidher assenti? Din il-karba ta’ uġigħ hija għamla ta’ talb li nsibuha fl-Iskrittura kollha u, dalgħodu, smajnieha mill-profeta Ħabakuk: “Mulej, kemm se ndum nokrob għall-għajnuna, u int ma tismax […]. Għaliex turini l-ħażen, u inti toqgħod tħares lejn il-ħtija?” (Ħab 1:2-3).

Il-Papa Benedittu XVI, li kien ġabar dawn il-mistoqsijiet matul iż-żjara storika tiegħu f’Auschwitz, reġa’ lura fuq din it-tema f’katekeżi tiegħu, u stqarr: “Alla jiskot, u dan is-skiet iċarrat il-qalb ta’ min jitlob, li jsejjaħ bla waqfien, imma mingħajr ma jsib tweġiba. […] Alla jidher hekk distanti, hekk ta’ memorja qasira, hekk assenti” (Katekeżi, 14 ta’ Settembru 2011).

Imma t-tweġiba tal-Mulej tiftħilna qalbna għat-tama. Jekk il-profeta jikkundanna l-qawwa inevitabbli tal-ħażen li jidher rebbieħ, il-Mulej min-naħa tiegħu jħabbarlu li dan kollu għad jintemm, hemm skadenza għalih, għax is-salvazzjoni għad tasal u ma ddumx: “Arah jinfena min mhux ruħu sewwa, iżda l-ġust jgħix bil-fedeltà tiegħu” (Ħab 2:4).

Ritratt: Vatican Media

Mela hemm ħajja, possibbiltà ġdida ta’ ħajja u ta’ salvazzjoni li ġejja mill-fidi, għax din mhux biss tgħinna nirreżistu lill-ħażen billi nipperseveraw fit-tajjeb, imma tibdel il-ħajja tagħna tant li tagħmilha strument tas-salvazzjoni li Alla sal-lum irid iwettaq fid-dinja. U, kif jgħidilna Ġesù fil-Vanġelu, din hi qawwa umli: il-fidi ma timponix ruħha bil-mezzi tal-potenza u b’modi staordinarji; biżżejjed żerriegħa tal-mustarda biex tagħmel ħwejjeġ tal-għaġeb (ara Lq 17:6), għax fiha hemm il-qawwa tal-imħabba ta’ Alla li jiftaħ toroq ta’ salvazzjoni.

Hija salvazzjoni li sseħħ meta qabelxejn inħabirku u nieħdu ħsieb aħna, bil-mogħdrija tal-Vanġelu, tat-tbatija tal-proxxmu tagħna; hija salvazzjoni li tgħaddi, b’mod sieket u li jidher bla saħħa, mill-ġesti u mill-kliem ta’ kuljum, li jsiru proprju bħaż-żerriegħa ċkejkna li dwarha jitkellem Ġesù; hija salvazzjoni li bil-mod il-mod tikber meta nsiru “qaddejja li ma niswew għal xejn”, jiġifieri meta naqdu l-Vanġelu u l-aħwa bla ma nfittxu l-interessi tagħna, imma biss biex inwasslu fid-dinja l-imħabba tal-Mulej.

B’din il-fiduċja, aħna msejħin inġeddu fina n-nar tal-vokazzjoni missjunarja. Kif afferma San Pawlu VI, “minna hu mistenni li nxandru l-Vanġelu f’dan il-perjodu straordinarju tal-istorja tal-bniedem, żmien tassew bla preċedenti, li fih, mal-qċaċet tal-progress li qatt ma kienu ntlaħqu qabel, jissieħbu abissi ta’ taħwid u ta’ qtigħ il-qalb li wkoll ma konniex rajna bħalhom qabel” (Messaġġ għall-Jum Dinji Missjunarju, 25 ta’ Ġunju 1971).

Ħuti, illum qed tinfetaħ fl-istorja tal-Knisja epoka missjunarja ġdida.

Ritratt: Vatican Media

Jekk għal żmien twil mal-missjoni assoċjajna li wieħed “jitlaq”, imur f’artijiet imbiegħda li ma kinux jafu bil-Vanġelu jew kienu mixħuta f’sitwazzjonijiet ta’ faqar, illum il-fruntieri tal-missjoni ma għadhomx iżjed dawk ġeografiċi, għaliex huma l-faqar, it-tbatija u x-xewqa għal tama ikbar li ġew għandna. Dan tixhidulna l-istorja ta’ tant ħutna migranti, it-traġedja tal-ħarba tagħhom mill-vjolenza, it-tbatija li sseħibhom, il-biża’ li ma jirnexxilhomx jaslu, ir-riskju ta’ qsim perikoluż tul il-kosti tal-baħar, l-għajta tagħhom ta’ uġigħ u ta’ disperazzjoni: ħuti, dawk id-dgħajjes li jittamaw li jilmħu port fiż-żgur fejn jistgħu jieqfu u dawk l-għajnejn mimlija biża’ u tama li jfittxu art soda fejn jistgħu jaslu, ma jistgħux u ma għandhomx isibu l-kesħa tal-indifferenza jew l-istigma tad-diskriminazzjoni!

M’aħniex nitkellmu tant fuq li “nitilqu”, daqskemm li “nibqgħu” biex inħabbru lil Kristu permezz tal-akkoljenza, il-mogħdrija u s-solidarjetà: nibqgħu bla ma nistkennu fil-kumdità tal-individwaliżmu tagħna, nibqgħu biex inħarsu fil-wiċċ ta’ dawk li jaslu minn artijiet imbiegħda u mifnija, nibqgħu biex niftħulhom dirgħajna u qalbna, nilqgħuhom bħala aħwa, inkunu għalihom preżenza ta’ faraġ u ta’ tama.

Huma ħafna l-missjunarji, irġiel u nisa, imma anki l-persuni ta’ fidi u ta’ rieda tajba, li jaħdmu għas-servizz tal-migranti, u biex jippromovu kultura ġdida ta’ fraternità fuq it-tema tal-migrazzjonijiet, lil hemm mill-isterjotipi u l-preġudizzji. Imma dan is-servizz prezzjuż jisfida lil kull wieħed u waħda minna, fiċ-ċokon tal-possibbiltajiet tagħna: dan huwa ż-żmien – kif afferma l-Papa Franġisku – li ninbnew ilkoll fi “stat permanenti ta’ missjoni” (Evangelii gaudium, 25).

Ritratt: Vatican Media

Dan kollu jitlob tal-inqas żewġ impenji kbar missjunarji: il-koperazzjoni missjunarja u l-vokazzjoni missjunarja.

Qabelxejn, nitlobkom tippromovu koperazzjoni missjunarja mġedda bejn il-Knejjes. Fil-komunitajiet ta’ tradizzjoni antika Nisranija bħal dawk tal-Punent, il-preżenza ta’ tant aħwa min-Nofsinhar tad-dinja għandha tiġi milqugħa bħala opportunità, għal qsim li jġedded il-wiċċ tal-Knisja u jqanqal Kristjaneżmu iżjed miftuħ, iżjed ħaj u iżjed dinamiku. Fl-istess waqt, kull missjunarju li jitlaq lejn artijiet oħra, hu msejjaħ jgħix fil-kulturi li jiltaqa’ magħhom b’rispett qaddis, u jindirizza lejn il-ġid dak kollu li jsib tajjeb u nobbli fihom, waqt li jwasslilhom il-profezija tal-Evanġelju.

Imbagħad nixtieq infakkar fil-ġmiel u l-importanza tal-vokazzjonijiet missjunarji. Indur b’mod partikulari fuq il-Knisja Ewropea: illum hemm bżonn ta’ tħeġġiġa missjunarja ġdida, ta’ lajċi, reliġjużi u presbiteri li joffru s-servizz tagħhom fl-artijiet tal-missjoni, ta’ proposti ġodda u esperjenzi vokazzjonali li kapaċi jqanqlu din it-tama, speċjalment fiż-żgħażagħ.

Ritratt: Vatican Media

Għeżież, nibgħat bi mħabba l-barka tiegħi lill-kleru lokali tal-Knejjes partikulari, lill-missjunarji rġiel u nisa, u lil dawk li qed jagħmlu dixxerniment vokazzjonali. Lill-migranti ngħidilhom: merħba dejjem! L-ibħra u d-deżerti li qsamtu, fl-Iskrittura huma “postijiet ta’ salvazzjoni”, li fihom Alla sar preżenti biex isalva l-poplu tiegħu. Nawguralkom li ssibu dan il-wiċċ ta’ Alla fil-missjunarji li magħhom għad tiltaqgħu!

Nafda lil kulħadd fl-interċessjoni ta’ Marija, l-ewwel missjunarja ta’ Binha, li tmur tħaffef taqsam l-għoljiet tal-Lhudija, twassal lil Ġesù f’ġufha u taqdi lil Eliżabetta. Hi tweżinna, biex kull wieħed u waħda minna jsir kollaboratur tas-Saltna ta’ Kristu, Saltna ta’ mħabba, ta’ ġustizzja u ta’ paċi.

Scroll to Top