“Farrġu, farrġu lill-poplu tiegħi” (Iż 40:1). Din hi l-istedina tal-profeta Iżaija, li llum tasal b’mod impenjattiv anki lilna: qed isejħilna biex naqsmu l-faraġ ta’ Alla ma’ tant aħwa li qed jgħixu f’sitwazzjonijiet ta’ dgħufija, ta’ niket, ta’ tbatija. Għal dawk li qed jibku, jinsabu fid-disperazzjoni, fil-mard u fil-luttu tidwi ċara u qawwija l-aħbar profetika tar-rieda tal-Mulej li jġib fi tmiemha t-tbatija u jibdilha f’ferħ. F’dan is-sens, nixtieq irrodd ħajr mill-ġdid liż-żewġ persuni li taw ix-xhieda tagħhom. Bil-grazzja ta’ Ġesù Kristu nistgħu nittrasformaw it-tbatija kollha. Grazzi! Din il-Kelma ta’ kompassjoni, li ħadet il-ġisem fi Kristu, hija s-Samaritan it-tajjeb li dwaru tkellem il-Vanġelu: Hu li jdewwi l-ġrieħi tagħna, Hu li jieħu ħsieb tagħna. Fil-mument tad-dalma, anki kontra kull evidenza, Alla ma jitlaqniex waħidna; anzi, f’dawn is-sitwazzjonijiet ibsin aħna msejħin iżjed minn qatt qabel nittamaw fil-qrubija tiegħu ta’ Feddej li ma jitlaqna qatt waħidna.
Infittxu lil min ifarraġna u spiss ma nsibux. Xi drabi jsir saħansitra insopportabbli l-leħen ta’ dawk li, b’sinċerità, ikunu jixtiequ jieħdu sehem fit-tbatija tagħna. Huwa minnu, hemm sitwazzjonijiet li fihom il-kliem ma jiswiex u jsir kważi żejjed. F’dawn il-mumenti forsi jibqa’ biss id-dmugħ tal-biki, jekk ma jkunx spiċċa dan ukoll. Il-Papa Franġisku fakkarna fid-dmugħ ta’ Marija Maddalena, diżorjentata u waħidha, ħdejn il-qabar vojt ta’ Ġesù. Qal: “Sempliċiment tibki. Araw, xi drabi fil-ħajja tagħna n-nuċċali biex naraw lil Ġesù huwa d-dmugħ. Hemm mumenti fil-ħajja tagħna li fih id-dmugħ biss iħejjina biex nistgħu naraw lil Ġesù. U liema hu l-messaġġ ta’ din il-mara? ‘Rajt lill-Mulej’”.[i]

Għeżież ħuti, id-dmugħ huwa lingwaġġ, li jesprimi sentimenti profondi tal-qalb midruba. Id-dmugħ hu karba muta li titkarrab għall-mogħdrija u l-faraġ. Imma qabel ma hu hekk, hu liberazzjoni u purifikazzjoni tal-għajnejn, tas-smigħ, tal-ħsieb. Ma għandniex għax nistħu nibku; dan hu mod kif nesprimu n-niket tagħna u l-bżonn ta’ dinja ġdida; huwa lingwaġġ li jitkellem fuq l-umanità tagħna dgħajfa u mġarrba, imma msejħa għall-ferħ.
Fejn hemm it-tbatija huwa inevitabbli li tqum il-mistoqsija: għaliex dan il-ħażen kollu? Mejn hu ġej? Għaliex dan kellu jiġri proprju lili? Fl-Istqarrijiet tiegħu, Santu Wistin jikteb: “Fittixt mnejn hu ġej il-ħażen… X’inhu l-għerq tiegħu u x’inhi ż-żerriegħa tiegħu?… Iżda minn fejn hu ġej il-ħażen ladarba Alla t-tajjeb ħalaq dawn il-ħwejjeġ tajba kollha?… Dan it-taħwid kien jimla lil qalbi msejkna… B’danakollu qalbi baqgħet marbuta bis-sħiħ mal-fidi tal-Knisja kattolika fi Kristu tiegħek, il-Mulej u salvatur tagħna… għad li kienet għadha mxejra ’l hawn u ’l hinn, iżda ruħi ma twarrbitx minnha” (VII, 5).
Il-passaġġ mill-mistoqsijiet għall-fidi hu dak li għalih tedukana l-Iskrittura Mqaddsa. Fil-fatt hemm mistoqsijiet li jagħlquna fina nfusna u jifirduna minn ġewwa u mir-realtà. Hemm ħsibijiet li minnhom ma jista’ jinbet xejn. Jekk jiżolawna u jaqtgħulna qalbna, ikunu jumiljaw ukoll lill-intelliġenza. Aħjar, bħal fis-Salmi, li l-mistoqsija tkun protesta, ilment, invokazzjoni ta’ dik il-ġustizzja u ta’ dik il-paċi li Alla wegħedna. Hekk inkunu qed inressqu pont lejn is-sema, anki meta jidher mutu. Fil-Knisja nfittxu s-sema miftuħ, li hu Ġesù, il-pont ta’ Alla lejna. Għalhekk jeżisti faraġ li jasal għandna, meta “marbuta bis-sħiħ” tibqa’ dik il-fidi li tidher “imxejra ’l hawn u ’l hinn” bħal dgħajsa fil-maltemp.

Ix-xhieda li għadna kemm smajna jgħaddulna din iċ-ċertezza: li t-tbatija ma għandhiex toħloq il-vjolenza; li l-vjolenza mhijiex l-aħħar kelma, għax tiġi mirbuħa mill-imħabba li taf taħfer. X’ħelsien ikbar nistgħu nittamaw li nilħqu, jekk mhux dak li ġej mill-maħfra, li bil-grazzja jista’ jiftaħ il-qalb minkejja li tkun ġarrbet kull xorta ta’ brutalità? Il-vjolenza li wieħed ikun ġarrab ma tistax tiġi meqruda, imma l-maħfra mogħtija lil dawk li ħolquha hija antiċipazzjoni fuq l-art tas-Saltna ta’ Alla, hija l-frott tal-azzjoni tiegħu li ġġib fi tmiemu l-ħażen u tistabbilixxi l-ġustizzja. Il-fidwa hija ħniena u tista’ tagħmel aħjar il-futur tagħna, filwaqt li għadna nistennew ir-ritorn tal-Mulej. Hu biss jista’ jixxotta kull demgħa u jiftaħ il-ktieb tal-istorja u jħallina naqraw il-paġni li llum ma nistgħux niġġustifikaw u lanqas nifhmu (ara Apok 5).
Fejn hemm il-ħażen, hemm irridu nfittxu l-faraġ u l-konsolazzjoni li jegħlbuh u ma jagħtuhx lok. Fil-Knisja dan ifisser: qatt ma aħna waħidna. Li sserraħ rasek fuq spalla li tfarrġek, li tibki miegħek u tagħtik il-qawwa, din hi mediċina li ħadd ma jista’ jiċċaħħad minnha għax hija s-sinjal tal-imħabba. Fejn kbira hi t-tbatija, iktar qawwija għandha tkun it-tama li tinbet mill-komunjoni. U din it-tama ma tqarraqx.
Lilkom ukoll, ħuti li ġarrabtu l-inġustizzja u l-vjolenza tal-abbuż, Marija ttennilkom illum: “Jiena omm tiegħek”. U l-Mulej, fis-satra tal-qalb, jgħidilna: “Inti ibni, inti binti”. Ħadd ma jista’ jisraq dan id-don personali offrut lil kull persuna. U l-Knisja, li xi membri tagħha b’xorti ħażina weġġgħukom, illum tinżel għarkupptejha flimkien magħkom quddiem l-Omm. Ħa nitgħallmu minnha nħarsu liċ-ċkejknin u dgħajfa nett bil-ħlewwa! Ħa nitgħallmu nagħtu widen għall-ġrieħi tagħkom, nimxu flimkien. Ħa nitgħallmu nirċievu mingħand Marija Addolorata l-qawwa li nagħrfu li l-ħajja ma hix magħmula biss mill-ħażen li nġarrbu, imma mill-imħabba ta’ Alla li qatt ma jitlaqna waħidna u li jmexxi lill-Knisja kollha.
Il-kliem ta’ San Pawl, imbagħad, jissuġġerilna li, meta nirċievu l-konsolazzjoni ta’ Alla, allura nsiru kapaċi noffru konsolazzjoni anki lill-oħrajn: “Hu”, jikteb l-Appostlu, “ifarraġna fil-hemm kollu tagħna, biex aħna, permezz tal-faraġ li bih Alla jfarraġ lilna, inkunu nistgħu nfarrġu lil dawk kollha li jinsabu f’kull xorta ta’ hemm” (2 Kor 1:4). Is-sigrieti tal-qalb tagħna ma humiex moħbija għal Alla: ma għandniex inżommuh milli jfarraġna, għax nilludu ruħna li nistgħu nserru biss fuq il-forzi tagħna.

Ħuti, fi tmiem din il-Velja se jiġi offrut lilkom don ċkejken: l-Agnus Dei. Huwa sinjal li nistgħu nieħdu magħna fid-djar tagħna biex niftakru li l-misteru ta’ Ġesù, tal-mewt u l-qawmien tiegħu hu r-rebħa tat-tajjeb fuq il-ħażin. Huwa l-Ħaruf li jagħti l-Ispirtu s-Santu Konsolatur, li qatt ma jitlaqna, ifarraġna fil-ħtiġijiet tagħna u jsaħħaħna bil-grazzja tiegħu (ara Atti 15:31).
Dawk li nħobbu u ġew maħtufa minna minn oħtna l-mewt ma humiex mitlufa u ma jgħibux fix-xejn. Il-ħajja tagħhom hi tal-Mulej li, bħal Ragħaj Tajjeb, iħaddanhom miegħu u jrosshom ma’ qalbu, u jum wieħed għad iroddhomlna lura biex nistgħu ngawdu flimkien il-ferħ ta’ dejjem.
Għeżież, kif hemm it-tbatija personali, hekk, anki fi żmienna, teżisti t-tbatija kollettiva ta’ popli sħaħ li, mgħaffġa mit-toqol tal-vjolenza, tal-ġuħ u tal-gwerra, qed jitkarrbu għall-paċi. Hija karba qawwija ħafna, li timpenjana biex nitolbu u naġixxu, biex tieqaf kull vjolenza u min qed ibati jista’ jerġa’ jsib is-serenità; timpenja qabelxejn lil Alla, li l-qalb tiegħu tħabbat bil-mogħdrija, biex tiġi s-Saltna tiegħu. Il-veru faraġ li rridu nkunu kapaċi nittrasmettu hu dak li nuru li l-paċi hi possibbli, u li twarrad f’kull wieħed u waħda minna jekk aħna ma nifgawhiex. Ħa jisimgħu b’mod partikulari r-responsabbli tan-Nazzjonijiet il-karba ta’ tant tfal innoċenti, biex jiggarantulhom futur li jipproteġihom u jfarraġhom.
Qalb tant
prepotenza, aħna ċerti li Alla mhux se jonqos milli jipprovdi qlub u dirgħajn
li jġibu għajnuna u faraġ, operaturi tal-paċi li kapaċi jkebbsu l-qlub ta’ dawk
li qegħdin fit-tbatija u fin-niket. U flimkien, kif għallimna Ġesù, nitolbu
b’aktar verità: “Tiġi Saltnatek!”.
[i] Franġisku, Meditazzjoni ta’ filgħodu fil-Kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ (2 ta’ April 2013).
Miġjub għall-Malti minn Franċesco Pio Attard