Meditazzjoni tal-Qdusija Tiegħu Ljun XIV
Għeżież ħuti,
Ninsabu miġburin fit-talb, illejla, flimkien ma’ Marija Omm Ġesù, l-istess kif kienet tħobb tagħmel l-ewwel Knisja ta’ Ġerusalemm (Atti 1:14). Ilkoll flimkien, perseveranti u fehma waħda, ħa ninterċedu bla heda għall-paċi, don ta’ Alla li għandu jsir il-kisba tagħna u t-tħabrik tagħna.
Spiritwalità Marjana awtentika
F’dan il-Ġublew tal-Ispiritwalità Marjana, ħarsitna li nemmnu tfittex fil-Verġni Marija l-gwida tal-pellegrinaġġ tagħna fit-tama, aħna u nħarsu lejn il-virtujiet umani u evanġeliċi tagħha, li l-imitazzjoni tagħhom issawwar l-aktar devozzjoni Marjana awtentika (ara Konċilju Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 65,67). Bħalha, l-ewwel fost dawk li emmnu, irridu nkunu ġuf li jilqa’ fih lill-Aktar Għoli, “għarix umli tal-Verb, imċaqlaq biss mir-ruħ tal-Ispirtu” (San Ġwanni Pawlu II, Angelus, 15 ta’ Awwissu 1988). Bħalha, l-ewwel fost id-dixxipli, nitolbu d-don ta’ qalb li tisma’ u ssir biċċa mill-univers li tilqa’ fiha. Permezz tagħha, il-Mara addolorata, qawwija, fidila, nitolbu li tiksbilna d-don tal-mogħdrija lejn kull wieħed u waħda minn ħutna li qed ibatu u lejn il-ħlejjaq kollha.

Inħarsu lejn Omm Ġesù u lejn dak il-grupp ċkejken ta’ nisa qalbiena ħdejn is-Salib, biex nitgħallmu aħna wkoll nieqfu bħalhom qrib l-għadd bla tarf ta’ slaleb tad-dinja, fejn Kristu għadu jiġi msallab f’ħutu, biex inwasslulhom il-faraġ, il-komunjoni u l-għajnuna. Fiha, oħt l-umanità, nagħrfu lilna nfusna, u bil-kliem ta’ wieħed poeta ngħidulha:
“Omm tagħna, inti kull mara li tħobb;
omm tagħna, inti kull mara li tibki
lil binha maqtul, lil binha ttradut.
Dawn l-ulied li qatt ma jieqfu jinqatlu” (D.M. Turoldo).
Taħt il-ħarsien tiegħek insibu kenn, Verġni tal-Għid, flimkien ma’ dawk kollha li fihom tkompli sseħħ il-passjoni ta’ Ibnek.
Agħmlu dak li jgħidilkom hu
Fil-Ġublew tal-Ispiritwalità Marjana, it-tama tagħna tiddawwal mid-dawl ħelu u perseveranti tal-kelmiet ta’ Marija li jagħtina l-Vanġelu. U fosthom kollha, huma prezzjużi dawk tal-aħħar imlissna fit-tieġ ta’ Kana, meta, hija u turihom lil Ġesù, lill-qaddejja tgħidilhom: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu” (Ġw 2:5). Imbagħad ma titkellimx iżjed. Għalhekk dawn il-kelmiet, li qishom kważi testment, għandhom ikunu għeżież ħafna għall-ulied, bħal kull testment ta’ omm.
Kulma jgħidilkom hu. Hija ċerta li l-Iben se jitkellem, il-Kelma tiegħu għadha ma spiċċatx, għadha toħloq, tnissel, taħdem, timla bir-rebbiegħa lid-dinja u bl-inbid il-ġarar tal-festa. Marija, bħal sinjal li juri t-triq, torjentana lil hemm minnha nfisha, turina li l-punt tal-wasla huwa l-Mulej Ġesù u l-Kelma tiegħu, iċ-ċentru li kollox lejh miexi, il-fus li fuqu jduru ż-żmien u l-eternità.

Agħmlu li jgħidilkom, tirrakkomanda. Agħmlu l-Vanġelu, agħmluh ġest u ġisem, demm u laħam, taħbit u tbissima. Agħmlu l-Vanġelu, u l-ħajja tinbidel, minn battala għal sħiħa, minn mitfija għal imkebbsa.
Kulma jgħidilkom agħmluh: il-Vanġelu kollu, il-kelma esiġenti, it-tmellisa farraġa, iċ-ċanfira u t-tgħanniqa. Dak li tifhem u anki dak li ma tifhimx. Marija ssejħilna biex inkunu bħall-profeti: biex ma nħallux tisfa fix-xejn imqar kelma waħda minn tiegħu (ara 1 Sam 3:19).
U fost il-kelmiet ta’ Ġesù li ma rridux inħallu jmorru fix-xejn, hemm waħda li tidwi b’mod partikulari llum, f’din il-velja ta’ talb għall-paċi: dik li jgħid lil Pietru fil-Ġnien taż-Żebbuġ: “Neħħi s-sejf” (ara Ġw 18:11). Neħħi minn idejk, u qabel dan, minn qalbek. Kif diġà fakkart f’okkażjonijiet oħra, il-paċi hi żarmata u żżarmana. Mhix deterrent, imma fraternità, mhix ultimatum, imma djalogu. Ma tiġix frott ta’ rebħiet fuq l-għadu, imma bħala riżultat ta’ min jiżra’ l-ġustizzja u l-maħfra kuraġġjuża.
Neħħi s-sejf hi kelma lis-setgħanin tal-art, lil dawk li għandhom f’idejhom ix-xorti tal-ġnus: ħa jkollkom il-qlubija li żżarmaw l-armi! U fl-istess waqt hi għal kull wieħed u waħda minna, biex nagħrfu dejjem iżjed li għall-ebda idea, jew twemmin, jew politika ma nistgħu qatt noqtlu. Dik li rridu nżarmaw qabelxejn hi l-qalb, għax jekk ma hemmx il-paċi fina, m’aħniex se nagħtu l-paċi.

Fostkom ma għandux ikun hekk
Nisimgħu mill-ġdid lill-Mulej Ġesù: il-kbarat tal-art jibnu imperi bis-setgħa u l-flus (ara Mt 20:25; Mk 10:42), “fostkom ma għandux ikun hekk” (Lq 22:26). Alla ma jagħmilx hekk: l-Imgħallem ma għandux tronijiet, imma jorbot ma’ qaddu fardal u jinżel għarkupptejh quddiem riġlejn kulħadd. L-imperu tiegħu hu dak il-ftit spazju li għandu bżonn biex jaħsel ir-riġlejn ta’ ħbiebu u jieħu ħsiebhom.
Hija wkoll l-istedina biex ikollna perspettiva differenti ħalli nħarsu lejn id-dinja mill-baxx, bl-għajnejn ta’ min qed ibati, mhux bl-ottika tal-kbarat; biex inħarsu lejn l-istorja bil-ħarsa taċ-ċkejknin u mhux bil-perspettiva tas-setgħana; biex ninterpretaw il-ġrajjiet tal-istorja bil-perspettiva tal-armla, tal-iltim, tal-barrani, tat-tfajjel midrub, tal-eżiljat, tal-maħrub. Bil-ħarsa tan-nawfragu, tal-fqajjar Lazzru, mixħut biswit il-bieb tar-raġel għani. Inkella mhu se jinbidel xejn, u ma jasalx żmien ġdid, saltna ta’ ġustizzja u ta’ paċi.
Hekk ukoll tagħmel il-Verġni Marija fil-kantiku tal-Magnificat, meta tixħet ħarsitha fuq il-punti ta’ tifrik tal-umanità, hemm fejn id-dinja qed tiġġarraf, fil-kuntrast bejn iċ-ċkejknin u l-qawwija, bejn il-foqra u l-għonja, bejn dawk li jgħumu fil-ġid u l-imġewħin. U tagħżel iċ-ċkejknin, toqgħod in-naħa ta’ dawk li jinsabu fl-aħħar post tal-istorja, biex tgħallimna nimmaġinaw, noħolmu flimkien magħha smewwiet ġodda u art ġdida.
Henjin intom
Agħmlu dak li jgħidilkom hu. U aħna nħabirku biex issir il-laħam u l-passjoni, l-istorja u l-azzjoni tagħna, il-kelma kbira tal-Mulej: “Henjin intom li ġġibu s-sliem” (ara Mt 5:9).

Henjin intom: Alla jirregala l-ferħ lil min iġib l-imħabba fid-dinja, l-hena lil dawk li, flok ir-rebħa fuq l-għadu, jippreferu l-paċi miegħu.
Kuraġġ, ħarsu ’l quddiem, imxu, intom li qed tibnu l-kundizzjonijiet għal futur ta’ paċi, fil-ġustizzja u fil-maħfra; kunu umli u determinati, tħallux dirgħajkom iċedu. Il-paċi hi mixja u Alla jimxi magħkom. Il-Mulej joħloq u jxerred il-paċi permezz tal-ħbieb tiegħu li għandhom is-sliem fil-qalb tagħhom, li jsiru huma wkoll paċifikaturi, strumenti tal-paċi tiegħu.
Illejla nġbarna fit-talb madwar Marija, Omm Ġesù u Omm tagħna, bħall-ewwel dixxipli fiċ-Ċenaklu. Lejha, mara li kellha s-sliem fil-fond ta’ qalbha, Sultana tal-paċi, aħna nduru:
Itlob magħna, Mara fidila, ġuf qaddis tal-Verb.
Għallimna nagħtu widen għall-karba tal-foqra u ta’ ommna l-Art,
attenti għas-sejħat tal-Ispirtu fil-ħemda tal-qalb,
fil-ħajja ta’ ħutna, fil-ġrajjiet tal-istorja,
fil-krib u fil-ferħ tal-ħolqien.
Qaddisa Marija, omm il-ħajjin,
mara qawwija, addolorata, fidila,
Verġni għarusa ħdejn is-Salib
fejn tikkonsma ruħha l-imħabba u tgelgel il-ħajja,
kun int il-gwida tal-impenn tagħna biex naqdu.
Għallimna nieqfu miegħek biswit l-għadd bla qies ta’ slaleb
fejn Ibnek għadu mislub,
fejn il-ħajja hi l-aktar mhedda;
biex ngħixu u nagħtu xhieda tal-imħabba Nisranija
billi nilqgħu f’kull bniedem lil ħuna u oħtna;
biex inwarrbu l-egoiżmu dejjaq
ħalli nimxu wara Kristu, id-dawl veru tal-bniedem.
Verġni tal-paċi, bieb żgur tat-tama,
ilqa’ t-talba ta’ wliedek!