Il-Bieb Imqaddes tal-Bażilika ta’ San Pietru
Il-ftuħ tal-Bieb Imqaddes huwa rit magħruf u emozjonanti li jimmarka l-bidu tal-Ġublew. L-ewwel data ċerta li nafu biha ta’ din iċ-ċelebrazzjoni tmur lura għas-sena 1500 meta l-Papa Alessandru VI fetaħ il-Bieb Imqaddes tal-Bażilika ta’ San Pietru. Huwa Bieb li jkun miftuħ biss matul is-sena tal-ġublew fil-waqt li fis-snin l-oħra, dawk mhux ġubilari, jinżamm mhux biss magħluq, imma wkoll imbarrati bil-ġebel.
Fil-passat il-Papa kien jagħti daqqa ta’ martell fuq il-ġebel li jimbarra l-bieb, imbagħad il-ħaddiema kienu jkomplu jwaqqgħu l-kumplament. Imma biex ikun evitat kull periklu, il-Papa Ġwanni Pawlu II ddeċieda li jibdel ir-rit b’mod li l-ġebel li jimbarra l-bieb jitneħħa minn qabel, imbaghad waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ, il-Papa jimbotta l-bibien bħala ġest simboliku.
Is-Simboliżmu tal-Bieb Imqaddes
Il-ftuħ tal-Bieb Imqaddes matul il-Ġublew jissimbolizza l-passaġġ li kull Nisrani jrid jagħmel mid-dnub għall-grazzja. Imma bla dubju ta’ xejn, għalina l-Insara, il-Bieb Imqaddes jirrapreżenta lil Kristu. Ifakkarna fi kliem Ġesù nnifsu, li naqrawh fl-Evanġelju skont San Ġwann, “Tassew tassew ngħidilkom li l-bieb tan-nagħaġ huwa jien.” (10:7).
Huwa minnu li l-Bieb Imqaddes huwa xbieha ta’ Kristu, imma bħal kull xbieha oħra għandu l-limitazzjonijiet tiegħu fil-konfront tar-realtà li jirrapreżenta. Kristu huwa wieħed, imma dan ma jfissirx li għandu jkun hemm Bieb Imqaddes wieħed biss ghaliex waqt li l-preżenza tal-bieb ta’ bażilika jew katidral hija limitata f’post wieħed partikolari, imma Kristu huwa preżenti f’kull komunità, saħansitra anke kif qal hu stess kull fejn hemm tnejn jew tlieta miġbura f’ismu [Mt:18:20].
Il-Bieb tal-Bażilika ta’ San Pietru
Fl-1949 saret kompetizzjoni għad-disinn ta’ bieb ġdid tal-Ġublew li kellu jintuża għas-Sena Mqaddsa l-Kbira tal-1950. Din il-kompetizzjoni ntrebħet mill-iskultur Vico Consorti, li lesta x-xogħol fi 11-il xahar, fil-ħin biex ikun inawgurat lejlet il-Milied fl-1949.
Il-bieb il-ġdid kien ingħata bħala rigal lill-Papa Piju XII minn Francesco Von Streng, l-Isqof ta’ Lugano u Basel fl-Isvizzera u l-komunità tiegħu, bħala espressjoni ta’ gratitudni lejn il-Mulej talli ħelsu lil art twelidhom mill-kruha tat-Tieni Gwerra Dinjija.
It-tema li segwa l-artist fil-ħolqien tal-pannelli għall-Bieb Imqaddes, ġiet minn kliem il-Papa: “Agħmel, O Mulej, li din is-Sena Mqaddsa tkun is-sena ta’ ritorn u maħfra kbira”.
Iċ-ċiklu skulturali tal-bieb jirrakkonta l-istorja tal-bnedmin f’16-il pannella mid-“dnub u t-tkeċċija mill-Ġenna tal-Art”, għad-dehriet ta’ Kristu Rxoxt għal Thomas u għall-Appostli armati. Fuq l-aħħar panew tidher ix-xbieha ta’ Kristu bħala l-bieb tas-salvazzjoni.