Il-Miġja tal-Kurċifiss fil-Ġublew

Stqarrija għall-Istampa mill-Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja Veskovili t’Għawdex nhar il-11 ta’ Frar, 2025

Fl-okkażjoni ta’ dan il-Ġublew tat-Tama u l-bidu tar-Randan Imqaddes, se jinġab f’Għawdex il-Kurċifiss Mirakoluż u devot magħruf bħala “Ta’ Ġieżu”, meqjum fil-Knisja Franġiskana ta’ Santa Marija ta’ Ġesù fil-Belt Valletta. Ix-xbieha, maħduma fis-seklu 17, hi attribwita lill-artist Sqalli Frate Innocenzo di Petralia, u tieħu ħsiebha l-Arċikonfraternità tal-Kurċifiss imwaqqfa fl-istess knisja. Hija waħda mill-aktar xbihat meqjuma tas-Santissmu Kurċifiss li nsibu fil-gżejjer tagħna u tgawdi devozzjoni qawwija mill-poplu tal-gżejjer tagħna. Il-Kurċifiss Ta’ Ġieżu se jkun fil-gżira ta’ Għawdex bejn il-Ġimgħa 7 u l-Ħadd 9 ta’ Marzu

  • Mill-Ġimgħa filgħodu sal-Ħadd f’nofsinhar ikun espost għall-qima fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani f’Għajnsielem, fejn fl-ewwel lejl il-knisja tibqa’ miftuħa għall-adorazzjoni u l-qima tal-fidili.
  • Nhar il-Ħadd 9 ta’ Marzu, l-ewwel Ħadd tar-Randan, fl-4.00pm, l-Isqof ta’ Għawdex Anton
    Teuma se jmexxi Pellegrinaġġ Penitenzjali Ġubilari bix-xbieha tal-Kurċifiss Mirakoluż, mill-Knisja ta’ Sant’Antnin ta’ Padova għal quddiem il-Knisja Arċipretali tal-Madonna ta’ Loretu, f’Għajnsielem, li għalih hu mistieden il-poplu kollu ta’ Alla.

Fil-Bolla tal-Indizzjoni tal-Ġublew Spes non confundit, il-Papa Franġisku fakkarna li “t-tama titwieled mill-imħabba u tissejjes fuq l-imħabba li tgelgel mill-Qalb ta’ Ġesù minfuda fuq issalib” (n. 3). Għalhekk, iż-żjara tal-Kurċifiss Mirakoluż f’Għawdex, fil-bidu tar-Randan imqaddes, iktar milli sempliċi mument storiku ta’ qima lil xbieha li hi tassew għażiża għallpoplu tagħna, għandha tkun stedina lill-Insara biex jerġgħu jdawru ħarsithom lejn is-sinjal ilkbir tat-tama tagħna li fih tidher l-imħabba kollha ta’ Alla għalina l-bnedmin: Kristu Msallab.

Din mhijiex l-ewwel darba li l-Kurċifiss Ta’ Ġieżu qed jinġab fil-gżira ta’ Għawdex. Fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, dan il-Kurċifiss kien inġab mill-Belt Valletta fl-istess Knisja tal-Patrijiet Franġiskani f’Għawdex biex jiġi mħares minn kull periklu tal-ħbit frekwenti talgħadu, fejn dam minn Mejju 1941 sa Marzu 1944. Din kienet l-ewwel u l-unika darba li nħareġ mill-Knisja tal-Belt, fejn kien ilu għall-qima sa mill-1648, biex tħalla għall-qima fi knisja oħra.

Avviżi Importanti

  • Indulġenza Plenarja: Kull min iżur il-Knisja ta’ Sant’Antnin ta’ Padova matul dawn it-tlitt ijiem biex jagħti qima lis-Santissmu Kurċifiss, jew jieħu sehem fil-Pellegrinaġġ tal-Ħadd, u jwettaq il-kundizzjonijiet kollha mitluba mill-Knisja, jista’ jikseb l-Indulġenza Plenarja tal-Ġublew.
  • Sagrament tal-Qrar: Fil-ħinijiet kollha li tkun miftuħa l-Knisja ta’ Sant’Antnin, ikun hemm saċerdoti disponibbli għas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni.
  • Aċċessibbiltà: Il-Knisja ta’ Sant’Antnin fiha rampa aċċessibbli għal dawk li jużaw siġġu tar-roti.
  • Trasport lejn il-Knisja: Anzjani li għandhom bżonn it-trasport lejn il-Knisja ta’ Sant’Antnin fil-ġranet tal-Ġimgħa u s-Sibt, għandhom jikkuntattjaw lil Dar Arka (Owen Teuma) fuq 21565773, bejn it-8.00am u s-1.00pm.
  • Trasport għall-Pellegrinaġġ: Il-Ħadd, għall-Pellegrinaġġ, il-Parroċċi se jorganizzaw trasport ta’ buses. Għal raġunijiet ta’ loġistika, preferibbilment wieħed għandu jinqeda b’dan it-trasport: għalhekk wieħed għandu jsegwi l-avviżi li jsiru fil-Parroċċa tiegħu.
  • Postijiet riservati fil-Pjazza: Anzjani u persuni oħra li minħabba kundizzjoni ta’ saħħa ma jistgħux jimxu l-Pellegrinaġġ imma jixtiequ jieħdu sehem fiċ-Ċelebrazzjoni fuq iz-Zuntier tal-Knisja Arċipretali ta’ Għajnsielem nhar il-Ħadd filgħaxija, iridu jċemplu 21556661 (il-Kurja tal-Isqof) u jagħtu d-dettalji tagħhom sa mhux aktar tard minn nhar it-Tnejn 3 ta’ Marzu (ma jiġux aċċettati bookings wara dik id-data).

Scroll to Top