Waħda mill-kliem li nisimgħu jidwu fis-snin tal-Ġublew, bla dubju, hija “indulġenza”, li ġieli tissejjaħ “plenarja” jew “parzjali”.
Xi tfisser eżatt? U dan kollu kif għadu relevanti għalina llum?

Is-sagrament tal-qrar joħloq spazju li fih il-bniedem jiskopri mill-ġdid it-tgħanniqa tal-Missier, fid-dawl li dan is-sagrament jaħfer id-dnubiet bil-fiduċja li Ġesù ta lill-Knisja. L-ebda nuqqas mhu ikbar mill-ħniena t’Alla, ladarba fina jkun hemm ir-rieda li niftħu qlubna għal dak l-iktar li jħobbna. Madankollu, anke jekk jinħafru d-dnubiet f’dan is-sagrament, ilkoll nibqgħu nġorru ċerti tbajja permezz tan-nuqqasijiet tagħna. Dawn it-tbajja nilmħuhom fin-nuqqas t’ordni fina nfusna, fir-relazzjoni tagħna m’Alla, fir-relazzjoni tagħna ma’ xulxin, u fir-relazzjoni mal-kumplament tal-ħolqien. Għaldaqstant, biex jitneħħew dawn it-tbajja, ikun jeħtieġ li mal-maħfra kbira tal-Mulej, ikun hemm ukoll sens ta’ kooperazzjoni minna li nkunu nqasna. Din il-kooperazzjoni tista’ ssir f’din il-ħajja permezz ta’ ċirkustanzi li jinqalgħulna minn żmien għal żmien billi nħalluhom ikunu opportunitajiet ta’ grazzja, u wkoll fil-purgatorju. Kemm f’din il-ħajja kif ukoll fil-purgatorju, nilmħu spazju li fih inkomplu ninżgħu “il-bniedem il-qadim”  u nilbsu “l-bniedem il-ġdid, maħluq skont Alla, fil-ġustizzja u l-qdusija tassew” (Ef 4:22-24).

U proprju hawn tidħol l-indulġenza. L-indulġenza hija t-talba tal-Knisja lil Alla biex jitnaqqsu dawn it-tbajja (għalhekk, imsejħa “parzjali”) jew jitneħħew b’mod sħiħ (għalhekk imsejħa “plenarja”).

F’dan kollu, niċċelebraw is-smigħ t’Alla lejn il-Knisja tiegħu u l-missjoni li jafdalha biex “kulma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kulma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet” (Mt 16:19). B’din il-fiduċja minn Ġesù nnifsu, il-Knisja toffri din il-maħfra estiża għall-merti tal-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù, t’ommu Marija, u l-qaddisin kollha. Il-Knisja tal-art tissieħeb f’unità mal-Knisja miġbura fis-sema f’din it-talba ta’ ħniena. Bil-merti tal-ħajjiet qaddisa ta’ dawk li għexu qabilna u fuq kollox tas-salib li ġarrab Kristu, il-Knisja tħossha fid-dmir li tqassam minn din l-abbundanza ta’ grazzja.

Fil-qedem, il-kelma ‘indulġenza’ spiss kienet tintuża flok ‘ħniena’, fid-dawl li din tesprimi l-milja tal-maħfra bla tarf tal-Mulej (Spes non confundit, 23). Quddiem dan kollu, ejjew nitħeġġu biex nisfruttaw dan it-teżor għall-ġid tagħna nfsuna, għall-ġid ta’ xulxin bħala Knisja waħda, u għall-ġid tal-ħolqien kollu, f’imħabbitna lejn dak li hu dejjem lest b’dirgħajh miftuħa għalina.

Fost diversi forom differenti, l-indulġenza tinkiseb bl-osservanza ta’ dawn l-għemejjel lokalment:

  • Żjara f’pellegrinaġġ f’postijiet indikati hawn taħt;
  • Qrara fi żmien opportun (fi żmien 20 jum mill-mument taż-żjara);
  • Tqarbina fil-jum taż-żjara;
  • Ħin t’adorazzjoni f’dak il-post li jintemm bil-Missierna, il-Kredu, talba Marjana, u talba skont il-fehma tal-Papa.

Tkun ħaġa f’waqtha li dawn l-għemejjel spiritwali jkunu akkumpanjati minn xi azzjoni ta’ karità jew sagrifiċċju, bħas-sawm tradizzjonali, sawm minn social media, appoġġ lill-għaqdiet favur il-ħajja, appoġġ lir-refuġjati, lill-anzjani, liż-żgħażagħ f’diffikultà u tfal emarġinati.

Fl-Arċidjoċesi ta’ Malta, kull fidil, pellegrin tat-tama, jista’ jikseb l-Indulġenza tal-Ġublew mogħtija mill-Papa jekk iżur b’devozzjoni dawn il-knejjes:

Il-persuni li ma jistgħux jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet solenni, f’pellegrinaġġi u fi żjarat ta’ qima għal raġunijiet serji (bħalma huma s-sorijiet u l-patrijiet tal-klawsura, l-anzjani, il-morda u l-ħabsin) xorta jistgħu jiksbu l-Indulġenza tal-Ġublew. Dan billi jsegwu l-kelma tal-Papa u tal-Isqfijiet tad-djoċesi, fosthom permezz tal-quddiesa ta’ kuljum mxandra fuq il-mezzi ta’ komunikazzjoni, jgħidu l-Missierna, il-Kredu u bħas-Salve Regina, waqt li joffru t-tbatijiet tagħhom.

Scroll to Top