Karità

Il-ġenerożità hija virtù misjuba sa mill-ewwel sejħa għall-Ġublew. Kif naraw f’Levitiku 25, il-Ġublew kien isejjaħ għal sena ta’ libertà u tiġdid, u fost is-sejħat biex dan iseħħ, kellha tieqaf il-ħidma fir-raba’, jiġu mrodda lura artijiet miżmuma, u jinħelsu l-iskjavi. Għaldaqstant, nagħrfu kemm dan iż-żmien kien jeħtieġ spirtu ta’ ġenerożità komunitarja. Il-Knisja tkompli tgħix dan l-ispirtu karitattiv fil-Ġublew kontemporanju, u għalhekk, tisħaq dwar il-virtujiet tal-ħniena, ir-rikonċiljazzjoni, u s-servizz.

Għall-Ġublew tat-Tama, il-Papa Franġisku jħeġġiġna nxerrdu t-tama billi ninkarnaw l-imħabba ta’ Kristu f’atti konkreti ta’ ġenerożità. Meta nagħtu mill-ħin u r-riżorsi tagħna lil ħaddieħor, speċjalment lil dawk vulnerabbli, għandna opportunità tanġibbli biex ngħixu l-Evanġelju.

Minn fejn jinbet l-ispirtu ta’ ġenerożità?

Aħna nħobbu għax Hu ħabbna l-ewwel” (1 Ġwanni 4:19). L-atti ta’ mħabba u ġenerożità ma jinbtux minn sens ta’ obbligu. Għall-kuntrarju, dawn isibu l-għeruq tagħhom mill-għajn tal-maħfra kontinwa u l-grazzja bla tarf ta’ Alla. Meta nkunu aktar konxji ta’ kemm Alla jħobbna mingħajr ebda kundizzjonijiet — jerfa’ d-dgħufijiet tagħna, jaħfer dnubietnana, u kontinwament jistiedinna għal komunjoni miegħu — ninbidlu. Niġġeddu. L-imħabba ma tħalliniex kif aħna. Tiftaħ qlubna għall-bżonnijiet tal-oħrajn, u toħroġna minna nfusna biex naqsmu l-istess imħabba ġeneruża li rċevejna.

Meta nħallu l-imħabba ta’ Alla taħdem fina, insiru, kif jiddeskrivi San Pawl, “fwieħa ta’ Kristu” (2 Korintin 2:15) bit-tixrid tal-ħniena tiegħu ma’ oħrajn li niltaqgħu magħhom. Din it-trasformazzjoni tiġi espressa b’mod sabiħ fit-talba li spiss tingħad mill-Missjunarji tal-Karità:

“Għażiż Ġesù, għinni nxerred il-fwieħa tiegħek kullimkien fejn immur. Imla’ ‘l ruħi bl-ispirtu u l-ħajja tiegħek. Infed u ħu f’idejk il-benesseri kollu tiegħi b’tant profondità li ħajti kollha tkun xbieha radjanti ta’ dak li int.”

Meta nitolbu lil Alla biex jagħmilna strumenti tiegħu, nistidnuh juża kliemna, l-azzjonijiet tagħna, u l-preżenza tagħna nfisha biex inwasslu t-tama u l-imħabba tiegħu lill-oħrajn. L-imħabba, meta ssib għeruqha fl-esperjenza tagħna ta’ Alla, tiffurmana mill-ġdid fi strumenti ta’ tama u tagħmel minn ħajjitna eżempju tal-ġenerożità bla tarf tiegħu.

Modi Prattiċi ta’ Ġenerożità

Għajnuna Finanzjarja: Bil-ftit tiegħek, tista’ tkun t’għajnuna kbira lill-organizzazzjonijiet karitattivi u l-missjonijiet li jġibu tant tama lill-foqra, lill-morda, u lil dawk emarġinati fis-soċjetà tagħna.

Ħin u Talenti: Offri ħinek fil-parroċċa jew fil-komunità tiegħek. Kemm jekk tkun qed tgħin f’attivitajiet ta’ djakonija, tinvolvi ruħek f’katekeżijiet jew f’animazzjoni tal-Quddiesa, il-ħin tiegħek huwa rigal imprezzabbli.

Interċessjoni għal Ħaddieħor: Offri t-talb tiegħek għal dawk li qed iġarrbu xi forma ta’ sofferenza. Il-Papa Franġisku jfakkarna li meta ninterċedu għal ħaddieħor quddiem il-Missier, nersqu pass eqreb biex nimitaw lill-Iben, l-akbar interċessur tal-umanità. Għaldaqstant, nitolbu lill-Missier fi sħubija u għaqda sħiħa ma’ Kristu.

Ġenerożità ta’ Kuljum: Segwi l-eżempju tal-qaddisin bħal Santa Tereża ta’ Calcutta, li għallmitna, “M’aħniex ilkoll imsejħin biex nagħmlu affarijiet kbar. Imma lkoll nistgħu nagħmlu affarijiet żgħar b’imħabba kbira.” Ġest żgħir iżda mill-qalb, bħal sempliċement tisma’ lil xi ħadd fil-bżonn jew tbissima lill-barrani, jista’ jkun tassew ta’ ġid kbir għal ħaddieħor.

Lil min tista’ tikkunsidra għall-karità tiegħek

Scroll to Top