Il-Papa fl-Angelus: Il-korijiet huma msejħa jkunu sinjal tal-għaqda tal-Knisja

Omelija tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Ljun XIV

Għeżież ħuti,

Fis-Salm Responsorjali smajna l-għanja: “Sejrin ferħana f’dar il-Mulej” (ara Salm 121). Għalhekk, il-Liturġija tal-lum tistedinna biex nimxu flimkien fit-tifħir u fil-ferħ biex niltaqgħu mal-Mulej Ġesù Kristu Sultan tal-Ħolqien kollu, Sovran twajjeb u umli, Dak li hu l-bidu u t-tmiem ta’ kollox. Is-setgħa tiegħu hi l-imħabba, it-tron tiegħu s-Salib u, permezz tas-Salib, is-Saltna tiegħu tiddi fuq id-dinja. “Mis-Salib huwa jsaltan” (ara Innu Vexilla Regis) bħala Prinċep tas-sliem u Sultan tal-ġustizzja li, fil-Passjoni tiegħu, juri lid-dinja l-ħniena bla tarf tal-qalb ta’ Alla. Din l-imħabba hi wkoll it-tnebbiħ u r-raġuni tal-kant tagħkom.

Għeżież koristi u mużiċisti, illum qed tiċċelebraw il-Ġublew tagħkom u troddu ħajr lil Alla li takom id-don u l-grazzja li taqduh billi toffru l-ilħna tagħkom u t-talenti tagħkom għall-glorja tiegħu u għall-bini spiritwali tal-aħwa (ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium, 120). Ix-xogħol tagħkom hu dak li tinvolvuhom fit-tifħir lil Alla u tgħinuhom jieħdu sehem ikbar fl-azzjoni liturġika permezz tal-kant. Illum qed tesprimu b’mod sħiħ il-“iubilum” tagħkom, l-hena tagħkom, li jinbet mill-qalb imfawra bil-ferħ tal-grazzja.

Ritratt: Vatikan Media

Iċ-ċiviltajiet il-kbar tawna d-don tal-mużika biex nistgħu ngħidu dak li qed inġorru fil-fond ta’ qalbna u li l-kliem mhux dejjem jista’ jesprimi. Il-ġabra sħiħa tas-sentimenti u tal-emozzjonijiet li jinbtu fil-ġewwieni tagħna minn relazzjoni ħajja mar-realtà jistgħu jsibu leħen fil-mużika. Il-kant, b’mod partikulari, jirrappreżenta espressjoni naturali u sħiħa tal-bniedem: il-ħsieb, is-sentimenti, il-ġisem u r-ruħ hawn jingħaqdu flimkien biex jikkomunikaw il-ħwejjeġ kbar tal-ħajja. Kif ifakkarna Santu Wistin, “Cantare amantis est” (ara Sermo 336,1), jiġifieri, “il-kant hu ħaġa ta’ min iħobb”: min ikanta, ikun jesprimi l-imħabba, imma anki n-niket, il-ħlewwa u x-xewqa li jgħammru fil-qalb tiegħu u, fl-istess waqt, iħobb lil dak li lilu jkun ikanta (ara Enarrationes in Psalmos, 72,1).

Għall-Poplu ta’ Alla l-kant jesprimi l-invokazzjoni u l-ġieħ, huwa l-“għanja ġdida” li Kristu Rxoxt jgħolli sa quddiem il-Missier, u fiha jagħti sehem lill-imgħammdin kollha, bħala ġisem wieħed li jieħu l-Ħajja ġdida mill-Ispirtu. Fi Kristu nsiru kanturi tal-grazzja, ulied il-Knisja li jsibu fl-Irxoxt il-kawża tat-tifħir tagħhom. Il-mużika liturġika hekk issir strument l-aktar prezzjuż li permezz tiegħu niżvolġu s-servizz ta’ tifħir lil Alla u nesprimu l-ferħ tal-Ħajja ġdida fi Kristu.

Santu Wistin isejħilna, għal darb’oħra, biex nimxu u nkantaw, bħal vjaġġaturi għajjiena, li jsibu fil-kant togħma minn qabel tal-ferħ li għad iġarrbu meta jaslu fid-destinazzjoni tagħhom. “Għanni imma imxi […] isseddaq fit-tajjeb” (Sermo 256, 3). Għalhekk, li nagħmlu parti minn kor ifisser li nimxu flimkien billi naqbdu jdejn ħutna, ngħinuhom jimxu magħna u nkantaw magħhom it-tifħir ta’ Alla, waqt li nfarrġuhom fit-tbatijiet, neżortawhom meta jidhru qed iċedu għall-għeja, nimlewhom bil-ħeġġa meta t-taħbit donnu jkun qed jieħu s-sopravvent. Il-kant ifakkarna li aħna Knisja li miexja, realtà awtentika sinodali, li kapaċi taqsam ma’ kulħadd il-vokazzjoni għat-tifħir u għall-ferħ, f’pellegrinaġġ ta’ mħabba u ta’ tama.

Ritratt: Vatikan Media

Anki Sant’Injazju ta’ Antjokja juża kliem imqanqal u jqiegħed f’relazzjoni l-kant tal-kor mal-għaqda tal-Knisja: “Mill-għaqda tagħkom u mill-imħabba tagħkom f’fehma waħda toħroġ l-għanja lil Ġesù Kristu. U kull wieħed u waħda jsir kor, biex fl-armonija tal-fehma waħda tagħkom, intom u f’din l-għaqda tieħdu t-ton ta’ Alla, tgħannu leħen wieħed permezz ta’ Ġesù Kristu lill-Missier, biex jismagħkom u jara l-opri tajba tagħkom” (Sant’Injazju ta’ Antjokja, Lill-Efesin, IV). Fil-fatt, l-ilħna differenti ta’ kor jiġu f’armonija bejniethom u jagħtu l-ħajja lil għanja waħda ta’ tifħir, simbolu mdawwal tal-Knisja, li fl-imħabba tiġbor lil kulħadd f’melodija waħda ħelwa.

Intom ġejjin minn korijiet li jwettqu l-ħidma tagħhom fuq kollox fis-servizz liturġiku. Dan tagħkom hu veru ministeru li jesiġi preparazzjoni, fedeltà, ftehim reċiproku u, fuq kollox, ħajja spiritwali profonda, li, jekk intom meta tkantaw titolbu, tgħinu lil kulħadd jitlob. Huwa ministeru li jitlob dixxiplina u spirtu ta’ servizz, fuq kollox meta hemm bżonn tħejju liturġija solenni jew xi ġrajja oħra importanti għall-komunitajiet tagħkom. Il-kor hu familja ċkejkna ta’ persuni differenti magħqudin fl-imħabba għall-mużika u għas-servizz offrut. Imma ftakru li l-komunità hi l-familja l-kbira tagħkom: toqogħdux quddiemha, imma kunu parti minnha, impenjati biex tagħmluha iktar magħquda billi tnebbħuha u tinvolvuha. Bħal fil-familji kollha, jistgħu jqumu tensjonijiet jew nuqqas ċkejken ta’ ftehim, ħwejjeġ normali meta naħdmu flimkien u nitħabtu biex naslu għal riżultat. Nistgħu ngħidu li l-kor hu xi ftit jew wisq simbolu tal-Knisja li, miexja lejn id-destinazzjoni tagħha, timxi tul l-istorja tfaħħar lil Alla. Anki jekk xi drabi din il-mixja hija mimlija diffikultajiet u provi, u mal-mumenti ta’ ferħ jalternaw oħrajn iktar ta’ taħbit, il-kant iħaffef il-vjaġġ u jġib serħan u faraġ.

Ritratt: Vatikan Media

Mela ħabirku biex tibdlu dejjem iżjed il-korijiet tagħkom f’meravilja ta’ armonija u ta’ ġmiel, kunu dejjem iżjed xbieha mdawla tal-Knisja li tfaħħar lil Sidha. Studjaw b’attenzjoni l-Maġisteru, li jindika fid-dokumenti Konċiljari n-normi biex tiżvolġu bl-aħjar mod is-servizz tagħkom. Fuq kollox, ħa jkollkom il-ħila tagħmlu dejjem parteċipi l-poplu ta’ Alla, bla ma ċċedu għat-tentazzjoni tal-esebizzjoniżmu li jeskludi l-parteċipazzjoni attiva fil-kant min-naħa tal-ġemgħa liturġika kollha. F’dan, kunu sinjal elokwenti tat-talba tal-Knisja, li permezz tal-ġmiel tal-mużika tesprimi mħabbitha lejn Alla. Għassu biex il-ħajja spiritwali tagħkom tkun dejjem taqbel mas-servizz li tiżvolġu, hekk li dan jista’ jesprimi awtentikament il-grazzja tal-Liturġija.

Inqegħidkom ilkoll taħt il-protezzjoni ta’ Santa Ċeċilja, il-verġni u martri li hawn f’Ruma bil-ħajja tagħha għolliet l-għanja tal-isbaħ imħabba, u ngħatat kollha kemm hi lil Kristu u offriet lill-Knisja x-xhieda mdawla tagħha ta’ fidi u ta’ mħabba. Ejjew nibqgħu mexjin u nkantaw, u nagħmlu tagħna, għal darb’oħra, l-istedina tas-Salm Responsorjali tal-liturġija tal-lum: “Immorru ferħana f’dar il-Mulej”.

Scroll to Top