Il-Papa: Newman, Duttur tal-Knisja – dawl għall-ġenerazzjonijiet ġodda

Omelija tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Ljun XIV

F’din is-Solennità tal-Qaddisin Kollha, b’ferħ kbir qed ngħodd lil San John Henry Newman fost id-Dutturi tal-Knisja u, fl-istess waqt, fl-okkażjoni tal-Ġublew tad-Dinja Edukattiva, naħtru Kompatrun, flimkien ma’ San Tumas ta’ Aquino, tas-suġġetti kollha li għandhom sehem fil-proċess edukattiv. L-istatura kulturali u spiritwali imponenti ta’ Newman isservi ta’ ispirazzjoni għal ġenerazzjonijiet ġodda b’qalbhom għatxana għall-infinit, li lesti jwettqu, permezz tar-riċerka u l-għarfien, dak il-vjaġġ li, kif kienu jgħidu l-antiki, jgħaddina per aspera ad astra, jiġifieri mid-diffikultajiet sakemm naslu għall-kwiekeb.

Ritratt: Vatican Media

Fil-fatt, il-ħajja tal-qaddisin turina li huwa possibbli ngħixu b’passjoni qalb il-kumplessità tal-preżent, mingħajr ma nwarrbu l-mandat Appostoliku: “Għandkom tiddu fid-dinja bħal kwiekeb” (Fil 2:15). F’din l-okkażjoni solenni, nixtieq intenni lill-edukaturi u lill-istituzzjonijiet edukattivi: “Iddu llum fid-dinja bħal kwiekeb” bl-awtentiċità tal-impenn tagħkom fit-tiftix flimkien tal-verità, fil-qsim koerenti u ġeneruż tagħha, permezz tal-qadi liż-żgħażagħ, b’mod partikulari tal-foqra, u fl-esperjenza ta’ kuljum li “l-imħabba Nisranija hi profetika, tagħmel il-mirakli” (ara Eżortazzjoni appostolika Dilexi te, 120).

Il-Ġublew hu pellegrinaġġ fit-tama u intom ilkoll, fil-qasam kbir tal-edukazzjoni, tafu tajjeb kemm it-tama hi żerriegħa indispensabbli! Meta naħseb fl-iskejjel u fl-universitajiet, narahom bħala laboratorji ta’ profezija, fejn it-tama tingħax u kontinwament tiġi rrakkontata u proposta mill-ġdid.

Ritratt: Vatican Media

Dan huwa wkoll is-sens tal-Vanġelu tal-Beatitudnijiet imxandar illum. Il-Beatitudnijiet iġorru fihom interpretazzjoni ġdida tar-realtà. Huma l-mixja u l-messaġġ ta’ Ġesù edukatur. Mal-ewwel daqqa t’għajn, jidher impossibbli li niddikjaraw henjin lill-foqra, dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx għall-ġustizzja, l-ippersegwitati jew dawk li jġibu l-paċi. Imma dak li jidher inkonċepibbli fil-grammatika tad-dinja, jimtela bis-sens u bid-dawl qrib tas-Saltna ta’ Alla. Fil-qaddisin aħna nilmħu din is-saltna tersaq aktar qrib u sseħħ fina. San Mattew, ġustament, jippreżenta l-Beatitudnijiet bħala tagħlim, u juri lil Ġesù bħala l-Imgħallem li jgħaddilna viżjoni ġdida tal-affarijiet u li l-perspettiva tagħhom tikkonċidi mal-mixja tiegħu. Imma l-Beatitudnijiet ma humiex xi tagħlim ieħor ma’ li għandna: huma t-tagħlim per eċċellenza. Bl-istess mod, il-Mulej Ġesù mhuwiex wieħed mill-ħafna għalliema, imma hu l-Imgħallem per eċċellenza. Iktar minn hekk, huwa l-Edukatur per eċċellenza. Aħna, id-dixxipli tiegħu, qegħdin fl-iskola tiegħu, nitgħallmu niskopru fil-ħajja tiegħu, jiġifieri fit-triq li hu mexa, xefaq ta’ sens li jista’ jdawwal l-għamliet kollha ta’ għarfien. Jalla l-iskejjel u l-universitajiet tagħna jkunu dejjem imkejjen ta’ smigħ u ta’ prattika tal-Vanġelu!

L-isfidi attwali xi drabi jistgħu jidhru superjuri għall-possibbiltajiet tagħna, imma mhuwiex hekk. Ejjew ma nħallux il-pessimiżmu jegħlibna! Infakkar f’dak li saħaq fuqu l-Predeċessur maħbub tiegħi, il-Papa Franġisku, fid-diskors tiegħu lill-Ewwel Assemblea Plenarja tad-Dikasteru għall-Kultura u l-Edukazzjoni: jiġifieri li għandna naħdmu flimkien biex neħilsu lill-umanità mid-dalma tan-niħiliżmu li qed iddawwarha, li hu forsi l-aktar marda perikoluża tal-kultura kontemporanja, għax jhedded li “jikkanċella” t-tama.[1] Ir-riferiment għad-dalma li ddawwarna jfakkarna f’wieħed mill-aktar testi magħrufin ta’ San John Henry, l-innu Lead, kindly light (“Mexxini, dawl ħanin”). F’dik it-talba mill-isbaħ, ninteħbu li aħna bogħod mid-dar, li għandna riġlejna ħosbiena, li mhux jirnexxielna naraw sewwa x-xefaq. Imma xejn minn dan kollu ma jżommna mwaħħlin, għax sibna l-Gwida tagħna: “Mexxini inti, Dawl ħanin, minn qalb id-dalma ta’ madwari, kun int li tmexxini! – Lead, kindly Light. The night is dark and I am far from home. Lead Thou me on!”.

Ritratt:Vatican Media

Hu xogħol l-edukazzjoni li toffri dan id-Dawl Ħanin lil dawk li, inkella, jistgħu jibqgħu mjassra mid-dellijiet partikularment perikolużi tal-pessimiżmu u tal-biża’. Għalhekk nixtieq ngħidilkom: ejjew inħottu r-raġunijiet foloz tar-rassenjazzjoni u tal-impotenza, u nxerrdu fid-dinja ta’ żmienna r-raġunijiet għoljin tat-tama. Nikkontemplaw u nindikaw il-firxiet tal-kwiekeb li jixħtu dawl u jagħtu orjentament f’dan il-preżent imdallam minn tant inġustizzji u inċertezzi. Għalhekk inħeġġiġkom tagħmlu mill-iskejjel, mill-universitajiet u minn kull realtà edukattiva, imqar dik informali u tat-triq, bħal għatba ta’ ċivilità ta’ djalogu u ta’ paċi. Bil-ħajja tagħkom, ħallu tidher dik “il-kotra kbira”, li dwarha jkellimna fil-liturġija tal-lum il-Ktieb tal-Apokalissi, “li ħadd ma jista’ jgħoddha, minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien”, u li kienet “wieqfa quddiem il-Ħaruf” (7:9).

Fit-test bibliku wieħed mix-xjuħ, xħin josserva dik il-kotra kbira, jistaqsi: “Dawn […] min huma, u minn fejn ġejjin?” (Apok 7:13). Hawnhekk, anki fil-qasam edukattiv, il-ħarsa Nisranija tistrieħ fuq “dawk li ġejjin mit-taħbit il-kbir” (v. 14) u fihom tagħraf l-uċuħ ta’ tant aħwa ta’ kull ilsien u kultura, li mill-bieb id-dejjaq ta’ Ġesù għaddew għall-ħajja sħiħa. U allura, għal darb’oħra, irridu nistaqsu: “Dawk li għandhom inqas, huma inqas persuni umani? Id-dgħajfa ma għandhomx l-istess dinjità tagħna? Dawk li twieldu b’inqas possibbiltajiet, jiswew inqas bħala bnedmin, għandhom jillimitaw ruħhom għas-sempliċi sopravivenza? Mit-tweġiba li nagħtu għal dawn il-mistoqsijiet jiddependi l-valur tas-soċjetajiet tagħna u minnha jiddependi wkoll il-futur tagħna” (Eżortazzjoni appostolika Dilexi te, 95). U nżidu: minn din it-tweġiba tiddependi anki l-kwalità evanġelika tal-edukazzjoni tagħna.

Ritratt: Vatican Media

Fost il-wirt li waslilna sal-lum mingħand San John Henry hemm, f’dan is-sens, xi kontributi sinifikattivi għat-teorija u għall-prattika tal-edukazzjoni. Huwa kiteb: “Alla ħalaqni biex nagħtih servizz preċiż. Fdali ħidma li ma fdahiex lil oħrajn. Jien għandi missjoni: forsi mhux ħa nsir nafha f’din il-ħajja, imma għad tintwera lili f’dik li ġejja” (Meditations and Devotions, III, I, 2). F’dawn il-kelmiet insibu espress b’mod mill-isbaħ il-misteru tad-dinjità ta’ kull persuna umana u anki dak tal-firxa ta’ doni li jqassam Alla.

Il-ħajja tiddawwal mhux għax aħna għonja jew sbieħ jew setgħana. Tiddawwal meta wieħed jiskopri ġewwa fih din il-verità: jiena msejjaħ minn Alla, għandi vokazzjoni, għandi missjoni, il-ħajja tiegħi tiswa għal xi ħaġa ikbar minni nnifsi! Kull ħlejqa għandha rwol xi twettaq. Is-sehem li kull wieħed u waħda għandu x’joffri hu ta’ valur uniku, u l-ħidma tal-komunitajiet edukattivi hi dik li tinkuraġġixxi u tivvalorizza dan is-sehem. Ma ninsewx: fiċ-ċentru tal-mixjiet edukattivi għandu jkun hemm mhux individwi astratti, imma l-persuni tad-demm u l-laħam, speċjalment dawk li jidhru li mhumiex jirrendu, skont il-parametri ta’ ekonomija li teskludi u toqtol. Aħna msejħin niffurmaw persuni, biex jibbrillaw bħal kwiekeb fid-dinjità sħiħa tagħhom.

Ritratt: Vatican Media

Għalhekk nistgħu ngħidu li l-edukazzjoni, fil-perspettiva Nisranija, tgħin lil kulħadd isir qaddis. Xejn inqas. Il-Papa Benedittu XVI, fl-okkażjoni tal-Vjaġġ Appostoliku fil-Gran Brittanja, f’Settembru 2010, li fih ibbeatifika lil John Henry Newman, kien stieden liż-żgħażagħ isiru qaddisin, b’dawn il-kelmiet: “Dak li Alla jixtieq iktar minn kull ħaġa oħra għal kull wieħed u waħda minnkom hu li ssiru qaddisin. Hu jħobbkom bil-wisq aktar milli tistgħu timmaġinaw u jrid l-aħjar għalikom”.[2] Din hija s-sejħa universali għall-qdusija li l-Konċilju Vatikan II għamilha parti essenzjali mill-messaġġ tiegħu (ara Lumen gentium, kapitlu V). U l-qdusija hi proposta lil kulħadd, bla eċċezzjoni, bħala mixja personali u komunitarja fuq il-passi tal-Beatitudnijiet.

Nitlob li l-edukazzjoni Kattolika tgħin lil kull persuna tiskopri s-sejħa tagħha għall-qdusija. Santu Wistin, li San John Henry Newman kien japprezza ħafna, darba qal li aħna sieħba tal-istudju li għandhom Mgħallem wieħed, li l-iskola tiegħu qiegħda fuq l-art u l-katedra tiegħu fis-Sema (Sermo 292,1).


[1] Franġisku, Diskors lill-parteċipanti tal-ewwel Assemblea Plenarja tad-Dikasteru għall-Kultura u l-Edukazzjoni (21 ta’ Novembru 2024).

[2] Benedittu XVI, Diskors lill-istudenti, Twickenham – ir-Reju Unit, 17 ta’ Settembru 2010.

Scroll to Top